Il-Partit Demokratiku kkundanna l-każijiet riċentri ta’ intimidazzjoni u fastidju motivat politikament fuq persuni pubbliċi u oħrajn li jsemmgħu leħinhom.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku insista li hija r-responsabbilità tal-mexxejja li jfittxu li jsibu soluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti li jinħolqu.
Irrefera għall-qattusa mejta li xi ħadd poġġa f’baskett quddiem ir-residenza tad-Deputat tal-Gvern Stefan Zrinzo Azzopardi.
Ikkundannaw ukoll attakki fuq attivisti bħal Tina Urso u Julian Sammut.
Il-Partit Demokratiku insista li l-libertà tal-espressjoni hija prinċipju sagru f’demokrazija u f’soċjetà moderna u għandha tkun protetta mill-istituzzjonijiet kollha tal-pajiż.
Kompla jgħid li meta diskors ta’ mibegħda jkun ittollerrat tinħoloq tensjoni nazzjonali li żgur mhux se tagħmel ġid lil ħadd.
Semma organizzazzjonijiet bħal Kenniesa u Occupy Justice u ddeskrivihom bħala rappreżentanti ċivili tas-soċjetà u insista li huwa tal-mistħija li hawn minn jipprova jintimidahom.
Temm jisħaq li se jkompli jaħdem biex jissaħħu l-istituzzjonijiet u talab għall-maturità u r-rispett.