Muscat; Kif jibqa’ jsalva minkejja d-daqqiet li jaqla’
Gaffarena, Cafè Premiere, sparatura, Panama, Egrant, ‘17 Black’ u għadu popolari...imma kif? Jistaqsu ħafna. L-ILLUM tanalizza l-akbar probabiltajiet għalfejn Joseph Muscat jibqa’ popolari....
minn Albert Gauci Cunningham
Ma nistgħux ngħidu li dawn l-aħħar jiem u ġimgħat kienu faċli għal Muscat, anzi pjuttost kienu l-aktar diffiċli. Minkejja dan lil hinn mill-kmamar tal-aħbarijiet; fit-toroq, fil-pjazez u f’diversi ċrieki soċjali differenti donnu jiġri x’jiġri, anke jekk persuna tkun tradizzjonalment Nazzjonalista, l-argument kważi dejjem jagħlaq bil-kliem ‘imma n-nies lilu (Muscat) iridu’ jew ‘xorta jċapċpulu’ jew ‘imma ma nismax nies igergru’ jew inkella ‘u dawn mhux it-tnejn l-istess, mur ara!’
Bosta drabi jkun jidher illi lil hinn minn dawk li jkunu qed isegwu l-istejjer ħerġin kull ftit ġranet dwar allegat tixħim jew allegat korruzzjoni, ir-rabja tkun ħafna inqas jekk mhux non-eżistenti. Din mhux qed ngħiduha aħna, tinħass ukoll sew fil-Partit Nazzjonalista li qed jipprova, kemm jista’ jkun iżomm ’il bogħod milli jkun partit perċeput li jitkellem fuq il-korruzzjoni biss, forsi għax jaf u l-esperjenza elettorali wriet li l-korruzzjoni waħedha, kbira kemm tinħass li tkun kbira, qatt ma tniżżel Gvern.
Lil hinn mill-preġudizzju politiku u l-ittimbrar, din il-gazzetta tat ħarsa lejn x’jistgħu jkunu r-raġunijiet għall-fatt li minkejja s-serjetà tal-allegazzjonijiet li ilhom isiru fil-konfront ta’ persuni prominenti fil-Gvern ta’ Muscat, dan baqa’ popolari ħafna tant li l-PN qed jibża’ jekk fil-fatt fl-2019 hux se jkun kapaċi jtella’ t-tielet siġġu, fil-Parlament Ewropew.
Ekonomija b’saħħitha u l-but; Il-kwistjonijiet li ddominaw fl-aħħar 30 sena
L-ekonomija tal-pajjiż għaddejja bil-galopp. Il-qasam tax-xogħol qed jesperjenza l-akbar numri ta’ nies li jinsabu f’impjieg, fost l-inqas rati ta’ persuni jfittxu x-xogħol u impjegaturi qed ikollhom iħaddmu barranin minħabba li mhux qed isibu biżżejjed persuni biex jaħdmu. Ma’ dan żid numri dejjem jikbru ta’ turisti li qed iżuru pajjiżna, settur tal-kostruzzjoni li qed jara wieħed mill-aqwa jekk mhux l-aqwa tkabbir fi żmien twil u dħul iktar qawwi mit-taxxa minħabba popolazzjoni dejjem tikber ta’ ħaddiema barranin.
Dan kollu qed ikollu l-effett ekonomiku tiegħu fuq setturi vasti ta’ nies, speċjalment negozji f’lokalitajiet turistiċi, aġenziji tal-proprjetà, persuni li jaħdmu għal rashom f’xogħol li jirrigwarda tibjid, elettriku, ilma, madum, għamara kif ukoll profesjonisti bħal nutara u periti kif ukoll mijiet jekk mhux eluf ta’ familji li qed jikru proprjetà jew proprjetajiet tagħhom lil xi ħadd.
Dan il-ġid ekonomiku, anke jekk fil-fatt mhux qed jilħaq lil kulħadd, qed jilgħab perfettament fin-narrativa ta’ Muscat illi l-għan tiegħu li jitħabbeb jew jidher jitħabbeb mal-multi-miljunarji, negozjanti kbar u kuntratturi, Maltin jew barranin, huwa biex jiġi x-xogħol u jinħolqu l-impjiegi u b’hekk iddur ir-rota u Malta jkollha l-flus.
B’hekk, għal Muscat, l-għan jiġġustifika l-mezz, anke jekk il-mezz jista’ mhux dejjem ikun wieħed trasparenti jew aċċettabbli għal kulħadd. Fil-fatt din in-narrativa kienet pprattikata perfettament u għall-vantaġġ massimu fil-każ tad-donazzjoni lil Puttinu. Hawnhekk Muscat uża l-flus mill-Individual Investor Programme (bejgħ tal-passaporti), skema li minkejja li hija legali xorta tqajjem bosta mistoqsijiet u ffaċċjat ħafna oppożizzjoni. B’dan il-mod Muscat qabad il-flus minn attività li ħafna/uħud jaħsbu li hija dubjuża u użahom għal għan nobbli. B’hekk l-għan (karità) iġġustifika l-mezz (bejgħ ta’ passaporti).
Muscat jaf sew illi l-poplu Malti, bħal kull poplu ieħor iqum, imur għax-xogħol, jagħmel ix-xirjiet, iħallas il-kontijiet, jieħu ħsieb it-tfal u jipprova jara li l-paga ta’ kull xahar twassal biex forsi l-familja jew l-individwu jkollu biżżejjed biex jagħmel kapriċċ. Għal ħafna hija din l-ewwel prijorità, qabel kwalunkwe oħra. Il-benessere tal-familja tagħhom u l-importanza li l-livell tal-għixien ikun assigurat.
Għalkemm għad hawn eluf ta’ nies li qed jgħixu fil-faqar jidher li hawn porzjon imdaqqas ta’ nies li raw jew qed jaraw li dan il-livell tal-għixien tjieb jew tjieb ħafna fl-aħħar snin, direttament minħabba l-istat tal-ekonomija jew direttament minħabba miżuri li ħa l-gvern.
Minkejja li għad hawn porzjon ta’ nies li qed jgħixu fil-faqar, il-fatt li l-ekonomija sejra tajjeb ifisser li dawk li mhumiex, jew dawk li għadhom qrib jew fil-faqar jaraw illi s-sitwazzjoni tagħhom hija waħda li hemm aktar ċans tkun ratifikata issa, b’dan il-Gvern u mingħajr bidliet.
Fl-Istati Uniti, ir-Repubblikani jaf ikollhom riżultati tajbin fl-elezzjonijiet ‘midterm’ tas-sena d-dieħla, hekk kif l-ekomonija Amerikana għaddejja tajjeb ħafna, minkejja li Trump il-ħin kollu fuq l-aħbarijiet għal raġunijiet ħżiena.
Studju li kienet għamlet Ruth Dassonville mill-Università ta’ Montreal u l-Università ta’ Iowa analizza r-relazzjoni bejn l-ekonomija u l-elezzjonijiet f’pajjiżi Ewropej bejn l-1952 u l-2012. Wara li wieħed jikkunsidra n-numru ta’ partiti f’elezzjoni, instab li żieda ta’ 1% fil-Prodott Gross Domestiku kien assoċjata ma’ żieda ta’ kważi 0.75% fl-appoġġ għall-Gvern. Minkejja dan, kif tgħid ukoll riċerka ta’ The Economist turi illi fil-fatt fl-Ewropa r-riżultati ekonomiċi ma kinux biżżejjed biex Gvern jerġa’ jirbaħ elezzjoni.
F’pajjiżna stess naraw illi l-istorja hija waħda li tagħti messaġġ pjuttost ċar. Fl-1987 il-Partit Nazzjionalista rebaħ l-elezzjoni u ma’ din ir-rebħa l-ekonomija, permezz ukoll tal-kostruzzjoni, turiżmu u anke proġetti kapitali, ħadet spinta qawwija. Kienu wkoll is-snin illi matulhom l-ekonomija Maltija ġiet liberalizzata u għalhekk żdiedet mhux ftit l-għażla għall-konsumatur. Dan issarraf f’appoġġ qawwi għall-Gvern Nazzjonalista fl-1992 b’maġġoranza ta’ 13,021, l-akbar distakk sa dakinhar.
Fl-1996, anjke jekk l-ekonomija kienet sejra tajjeb kien hemm il-kwistjoni tal-Value Added Tax (VAT), taxxa li l-klassi tan-negozjanti ħassew sa dakinhar li ma kinitx vantaġġjuża u li ħafna raw li se tgħolli l-ħajja waħda sew. Fuq l-għajta jew l-impressjoni li se jitneħħew il-cash registers u li se titneħħa l-VAT, flimkien mal-fatt li l-Labour kellhom mexxej ġdid (Alfred Sant) il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-1996.
Fl-2013 l-ekonomija ma tantx kienet sejra wisq tajjeb, għalkemm fil-fatt Malta żammet fil-wiċċ minkejja kriżi fnanzjarja u żidiet fil-prezzijiet taż-żejt. Il-Partit Laburista b’Joseph Muscat issa Mexxej rebaħ l-elezzjoni fuq il-fattur li kienet qed tinħass ħafna l-bżonn ta’ bidla u anke fuq il-fatt li firxa wiesgħa ta’ negozjanti u kuntratturi ħassew li x-xogħol kien wieħed kajman. Ma’ dan trid tgħodd il-fatt, li ħafna donnhom jinsew, illi Muscat kien wiegħed li se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kwistjoni li realment jew fil-perċezzjoni bdiet tiekol mil-livell tal-għixien tal-familji u negozji. Trid tgħodd il-fatt ukoll li l-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass kienu għolew, minn madwar €5 kull tank, għal madwar €20 kull tank ta’ 12-il litru.
parti kbira mir-raġuni għar-rebħa ta’ Muscat fl-2013 kienet l-ekonomija, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u r-rabta diretta bejn korruzzjoni reali jew perċeputa mad-dħul tal-persuna
Minkejja li dan kollu ġara fi klima ekonomika internazzjonali volatili ħafna, hija probabilità illi parti kbira mir-raġuni għar-rebħa ta’ Muscat fl-2013 kienet l-ekonomija, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u r-rabta diretta bejn korruzzjoni reali jew perċeputa mad-dħul tal-familji.
Fl-1998 l-elezzjoni ntrebħet mill-PN fuq żewġ kwistjonijiet partikolari; id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, imma wkoll (il-but u l-ekonomija għal darb’oħra) il-wegħda ta’ Fenech Adami li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li kien għolla Gvern Laburista biex jagħmel tajjeb għad-djun fl-Enemalta, il-wegħda ta’ tneħħija tal-50ċ minn fuq kull mediċina li kienet qed tingħata b’xejn u l-wegħda ta’ tnaqqis ta’ 33 taxxa (fil-fatt Gvern Laburista ma kienx daħħal 33 taxxa - kienet parti mill-eżerċizzju ta’ propoganda Nazzjonalista – fost dawn kien hemm taxxi relatati wkoll mal-liċenzji tal-kaċċaturi). Il-PN kien wiegħed ukoll li jneħħi is-CET, taxxa li ddaħlet flok il-VAT u kien bena kampanja fuq il-famuża ‘taxxa tad-drenaġġ.’
L-elezzjoni tal-2003 u l-2008 jistgħu jitqiesu bħala l-uniċi tnejn fl-aħħar 30 sena illi fihom il-kwistjoni tal-but u l-ekonomija ma tantx lagħbet parti daqstant importanti. Dan għaliex fl-2003, wara referendum li kellu r-riżultat ikkontestat minn Alfred Sant, il-kwistjoni prinċipali li tefgħet dell fuq kull kwistjonijiet oħra kienet dik dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. L-elezzjoni tal-2008, kienet partikolari minħabba r-riżultat u minħabba li kienet iddominata minn diżillużjoni tan-Nazzjonalisti, li xorta ma kienux lesti li jivvutaw PL.
Dan ifisser illi minkejja l-akkużi serji fil-konfront ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-każ ta’ ‘17 Black’, jekk il-poplu se jkompli jivvota bejn wieħed u ieħor fuq l-istess xejriet tal-elezzjonijiet fl-aħħar 30 sena, iċ-ċans huwa li jibqa’ jkun elett Muscat jew Gvern Laburista.
Rebħiet storiċi għall-PL
Muscat jibqa’ l-mexxej Laburista li kiseb l-akbar rebħiet għall-Partit Laburista. Neħħa lil dan il-partit mill-abbissi tat-telf li ħafna ħassew li kien spiċċa fih wara t-telfa tal-2008, li kienet elezzjoni li kollox kien jindika li l-Labour kien se jirbaħ. Wara l-2008, il-Laburisti kienu diżillużi ħafna u l-poplu fil-maġġoranza tiegħu kien diġà beda jiddejjaq minn Gvern Nazzjonalista. Rebħa bi żbrixx b’1,800 vot kien sinjal ċar tal-għejja tal-poplu lejn Gvern li kien ilu hemm 19-il sena.
Kien f’dan il-kuntest illi Muscat beda tiela’ l-iskaluni politiċi. Ir-rebħa tal-2009 fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew b’135,917 (54.77%), b’distakk ta’ 36,000 vot fuq il-PN kienet indikazzjoni ta’ dak li kien għadu ġej. Minn hemmhekk il-Partit Laburista mmexxi minn Muscat rebaħ l-elezzjoni tal-2013, l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2014 u l-elezzjoni tal-2017, kollha b’marġini ikbar minn 35,000 vot f’distakk mill-PN.
Dan ipoġġi lil Muscat ’il fuq minn kull mexxej Laburista ieħor f’termini ta’ suċċessi elettorali u għal-Laburisti, apparti mir-rebħiet infushom, huwa l-aktar politiku li umilja lill-Partit Nazzjonalista, anke meta kien hemm indikazzjonijiet li l-PN għamel avvanz qawwi bl-għajta kontra l-korruzjoni.
Dan ipoġġi lil Muscat s’issa fuq l-istess livell jekk mhux ogħla minn Mintoff għaliex irnexxielu jsalva kull forma ta’ attakk, akkuża u allegazzjoni mill-avversarju. Il-Laburisti jibqgħu jappoġġjaw lil Muscat għax jafu li kemm idum hu l-isfida għall-PN biex jirbaħ se tibqa’ waħda diffiċli ħafna.
Oppożizzjoni dgħajfa u li taf tiddgħajjef iktar
Is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista timmerità analiżi għaliha. Imma fattur ewlieni tas-suċċess ta’ Muscat jibqa’ l-fatt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadha waħda pjuttost dgħajfa. Iktar milli l-oppożizzjoni fil-forom kollha tagħha hija dgħajfa, huwa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li ma jistax isib saqajh.
Parti, anke jekk minoranza, tal-PN u għalhekk dik is-sezzjoni ta’ votanti li għadhom qed iżommu fermament it-torċa ta’ Daphne Caruana Galizia ma jridux jafu b’Delia. Ħafna minn dawn għadhom iħossu li Delia mhux idoneu li jmexxi sforz id-dellijiet li ntegħu fuqu minn Caruana Galizia stess matul il-kampanja biex isir Kap tal-PN. Anke jekk il-PN ma rebaħx bl-għajta tal-governanza tajba u l-għajta kontra l-korruzzjoni, din kienet l-għajta u l-missjoni li tagħmel lill-PN differenti mill-PL. Illum u s’issa, minkejja kull attentat, jinħass illi l-PN tilef din l-għajta li kienet tagħmlu differenti mill-għajtiet tal-PL u magħha tilef porzjon ta’ voti li mingħajrhom jaf jikseb riżultat saħansitra agħar minn dak tal-2017, fl-2019.
Dan kollu jpoġġi lil Muscat fuq livell popolari bil-wisq ogħla minn Delia u jikkonsolida l-ħsieb popolari fost dawk diżillużi bil-Labour, wara l-avvenimenti u l-istejjer tal-aħħar xhur u speċjalment tal-aħħar ġimgħat, illi m’hemmx għażla oħra vijabbli. ‘it-tnejn maħmuġin’, ‘it-tnejn l-istess’, ‘it-tnejn ma fihomx x’tagħżel’, ‘it-tnejn korrotti’, hemm min jgħid.
Kull meta ‘it-tnejn ikunu l-istess’ jirbaħ Muscat. Għax tnejn l-istess ifisser li taqa’ għal dak li huwa ‘safe’, li taf min hu. Muscat jaf li qabel ma’ Delia jibda jiġbed l-mases warajh u qabel ma jasserixxi lilu nnifsu bħala l-awtorità morali għall-partit u għall-pajjiż, minkejja kull allegazzjoni hu jibqa’ jirbaħ.
Muscat qed jittama li jagħti tisbita oħra lill-PN bir-riżultat, li fl-istadju finali tat-tmexxija tiegħu jagħti daqqa oħra li tkompli ddgħajjef lill-PN.
Interessi settorjali moqdijin
U finalment. Parti mill-istorja ta’ suċċess numeriku fl-elezzjonijiet ta’ Muscat huwa marbut mal-politika tiegħu u tal-Gvern u jagħti ħarsa partikolari lejn il-bżonnijiet settorjali ta’ diversi oqsma jew gruppi ta’ votanti.
Għalkemm qatt ma sar studju xjentifiku, jinħass sew illi fl-2013 speċjalment u anke fl-2017 dak li barra minn Malta jissejjaħ il-vot roża (persuni LGBTIQ) xaqleb sew lejn il-PL. Dan xaqleb lejn il-PL hekk kif dan il-partit wiegħed l-Unjoni Ċivili u fl-2017 żwieġ ugwali bid-dritt li tapplika għal adozzjoni. Dan ma jfissirx illi kull persuna LGBTIQ li vvutat Labour ma jinteressahiex mill-governanza jew mill-ambjent, jew mill-meritokrazija, imma jfisser li dan is-settur imdaqqas ta’ nies (li kienu wieħed mill-fatturi ewlenin biex kien elett Muscat) għarfu l-opportunitajiet ġodda li f’pajjiżna kienet xi ħaġa li lanqas timmaġina.
Muscat induna li hawnhekk kellu eluf ta’ voti diretti mingħand persuni li huma LGBTIQ u li ħafna minnhom kienu vvutaw biex Malta ssir membru tal-UE u anke, possibilment u probabilment PN. Muscat jaf ukoll li eluf magħhom li huma ta’ familjari, qraba u anke ħbieb, ivvutaw PL ukoll bħala appoġġ.
Dan huwa eżempju ċar tal-eżerċizju elettorali illi fih Muscat u l-PL indentifika setturi differenti illi jista’ jattira lejh fuq kwistjonu partikolari li tgħaqqadhom. Bħall-persuni LGBTIQ hemm il-ġenituri li ma jistax ikollhom tfal permezz tal-IVF, hemm il-kaċċaturi permezz ta’ tibdiliet fil-ħinijiet tal-kaċċa fil-Park tal-Majjistral, hemm ix-xellugin permezz ta’ avvanzi fil-qasam tal-kirjiet privati u l-ftehim fuq il-paga minima, il-kuntratturi permezz ta’ llaxkar ta’ proċessi li setgħu kienu wisq burokratiċi, il-liberali permezz tad-dikriminalizzar ta’ liġijiet, tal-festi (ħafna minnhom fil-fatt konservattivi) permezz ta’ għajnuna diretta għal xogħlijiet ta’ restawr u tibdiliet fil-liġi biex ikunu protetti l-kmamar tan-nar... u nistgħu nibqgħu sejrin.
Muscat għalhekk jibqa’ politiku diffiċli li jitkisser għax għandu favurih il-qagħda ekonomika tal-pajjiż, għax bena eġemonija fuq strateġija partikolari ħafna, għax ġie fi żmien fejn l-aptit għal Gvern Nazzjonalista jibqa’ ftit u għax għandu avversarju maqsum u sparpaljat.
Bħal dejjem imma, ġimgħa hija twila fil-ħajja politika...