Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ħabbar li minn għada se tibda tidħol fis-seħħ ir-riforma tal-gwardjani lokali li aktar ‘il quddiem se jibdew jissejħu uffiċjali tal-komunità.
Għalhekk, minn għada, l-1 ta’ Mejju, il-gwardjani lokali kolla se jiġu trasferiti “fi closed department” mal-aġenzija governattiva LESA.
Fi stqarrija, il-Ministeru fakkar li l-LESA hija aġenzija regolatorja li twaqqfet matul l-aħħar tliet snin biex tirregola l-operat tal-gwardjani lokali.
L-għan ta’ dan it-trasferiment huwa li l-LESA taħdem biex il-gwardjani lokali jkunu aktar viċin il-bżonnijiet tal-komunità.
“Din ir-riforma se twassal għal aktar serjetà fl-infurzar lokali iżda wkoll għal sens ta’ sensibilità fl- infurzar,” saħaq il-Ministeru.
Insista li se titpoġġa enfasi sħiħa fuq il-ħtieġa ta’ taħriġ għall-gwardjani lokali bil-għan li l-infurzar ma jibqax marbut biss għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku iżda jimraħ f’oqsma oħrajn bħal dawk ambjentali u edukattivi.