'Min ma jridx jaħdem għall-progress tal-partit għandu jieħu deċiżjoni ċara' - Delia

Delia qal li kemm ilu Kap tal-PN ħadem biex jinfetħu l-bibien imma saħaq li issa huwa ż-żmien li kull min qiegħed fil-partit jeħtieġ jiddeċiedi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li dawk li ma jridux jaħdmu għall-progress tal-partit għandhom jieħdu deċiżjoni ċara waqt li insista li min ma jridx jaħdem ma għandux l-ispazju fejn jimxu 'l quddiem.

Delia qal dan waqt li kien qed jitkellem fuq il-programm Iswed fuq l-Abjad li matulu saħaq li “ħadd ma hu akbar mill-partit”  insista li l-partit jeħtieġ ikollu vuċi waħda.

Waqt l-intervista, Delia qal li kemm ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista ħadem biex jinfetħu l-bibien imma saħaq li issa huwa ż-żmien li kull min qiegħed fil-partit jiddeċiedi.

Għamel differenza bejn “dawk li jridu jaħdmu biex il-partit jimxi ‘l quddiem,” u li għalihom il-bieb għadu miftuħ u “dawk li ma jridux,” u li “l-għażla tagħhom għandha tkun ċara.”

"Jien mhux bniedem li nagħlaq il-bibien imma niftagħhom imma mbagħad irid nagħżel, irrid nfiehem u nuri li min irid jaħdem għandu l-ispazju imma min ma jridx jaħdem ma għandux l-ispazju fejn jimxi 'l quddiem," saħaq Delia.

Tkellem ukoll fuq il-ħidma li saret fil-kumitati u sezzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li insista li jippreferi jagħmel inqas ħin fl-uffiċċju biex minflok jiltaqa’ u jisma’ lin-nies.

"Qatt ma kellu negozju jew investiment ma' Chris Cardona"

Matul l-intervista, Delia tkellem ukoll dwar il-Ministru Chris Cardona u insista li ħlief bħala avukat, qatt ma kellu negozju jew inkella xi forma ta' investiment miegħu.

"Jekk ikun hemm prova waħda kontrija nirriżenja"

Dwar l-allegazzjonijiet li kienet għamlet fuqu Daphne Caruana Galizia, Delia insista wkoll li fil-professjoni tiegħu bħala avukat hu qatt ma rċieva l-ebda flus illeċiti jew inkella flus maħsula.

...imma mbagħad irid nagħżel, irrid nfiehem u nuri li min irid jaħdem għandu l-ispazju imma min ma jridx jaħedm ma għandux l-ispazju fejn jimxi 'l quddiem

Qal li ħafna snin ilu kellu klijent li kien xtara propjetà barra minn Malta bi flus f'bank lokali. Din l-istess propjetà kienet mikrija lill-persuna oħra li kien qed jużaha għal attivitajiet illegali u li dwarha kienet saret investigazzjoni mill-pulizija Ingliża.

Iżda kompla jinsisti li qatt ma investigaw la lis-sid u lanqas lilu bħala l-avukat tiegħu. Insista li jekk ikun hemm imqar prova waħda li hu kien involut f'attività illegali, jirriżenja mill-ewwel.

Insista li qatt ma kien involut f’ebda skemi ta’ ħasil ta’ flus.

Daphne Caruana Galizia kienet allegat li mal-14-il sena ilu kien fetaħ kont bankarju f’Jersey fir-Renju Unit u li kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho.

Delia dejjem ċaħad kull allegazzjoni u saħansitra kien fetaħ libelli kontra Daphne Caruana Galizia, liema libelli waqqagħhom l-għada li nqatlet.

"Lista ta' 2,500 persuna...il-Gvern se jgħin 500"

Delia tkellem ukoll dwar is-social housing u qal li filwaqt li l-lista ta' stennija hija ta' 2,500 persuna, il-Gvern se jkun qed jgħin biss 500.

Insista li 2,000 se jkunu mċaħħda ħajja dinjituża.

Kompla jgħid li l-Gvern mhux qed joffri soluzzjonijiet għall-prezzijiet tal-kiri u qal li l-Partit Nazzjonalista qed jiddiskuti ma' esperti biex joħroġ proposti konkreti dwar dan.

More in Politika