‘L-emendi tal-IVF jagħmlu farsa mill-protezzjoni tal-embrijun’
Tonio Fenech, Giovanni Bonello, Juanito Camilleri u Alan Deidun fost 100 akkademiku li ppubblikaw dokument juru t-tħassib tagħhom dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF
minn Yendrick Cioffi
Madwar 100 akkademiku minn diversi fakultajiet fi ħdan l-Università ta’ Malta ngħaqdu f’dokument ta’ riflessjoni li juri t-tħassib tagħhom għall-emendi proposti mill-Gvern għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.
Id-dokument ‘Matters of Concern,’ jisħaq li l-emendi proposti “jdgħajfu ħafna l-protezzjoni tal-embrijun fl-aktar stadju vulnerabbli tiegħu.”
Filwaqt li jaqblu mas-servizz tal-IVF kif mogħti bħalissa fl-Isptar Mater Dei, l-akkademiċi jisħqu li “għalkemm il-liġi se żżomm l-istess isem, l-emendi jagħmlu farsa mit-titlu stess għax filwaqt li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ ġenitur jew ġenituri prospettivi, kważi jinjoraw għalkollox il-protezzjoni tal-embrijun uman.”
Fost l-akkademiċi li ffirmaw dan id-dokument hemm l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, l-eks Maġistrat tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello, l-eks Rettur tal-Università Juanito Camilleri, l-Ambjentalista Alan Deidun u oħrajn.
Id-dokument jidħol f’diversi aspetti fosthom l-iffriżar tal-embrijuni, id-donazzjoni tal-isperma jew il-bajda tal-mara u l-kiri tal-ġuf.
“L-iffriżar tal-embrijuni... diskriminazzjoni”
Dwar l-iffriżar tal-embrijuni, l-akkademiċi jisħqu li din l-emendi jassumi li jekk wieħed iżid l-embrijuni ffriżati se jkun qed iżid il-possibilità ta’ suċċess, ipoteżi li potenzjalment hija vera.
Minkejja dan jisħqu li dan iqajjem diversi mistoqsijiet morali, legali u psikoloġiċi, anke għax il-proċess jinvolvi l-għażla ta’ wħud għall-implantazzjoni filwaqt li oħrajn jitpoġġew fil-friża.
“Filwaqt li wħud jingħataw iċ-ċans li jiżvillupaw oħrajn se jitpoġġew f’limbu ffriżat,” jisħaq id-dokument.
L-akkademiċi jkomplu jispjegaw li l-għażla bejn embrijun u ieħor tfisser diskriminazzjoni sempliċiment għax ma jistgħu jagħmlu xejn biex jipproteġu l-interessi tagħhom.
Lesti jaddottaw embrijuni inferjuri?
L-emendi jorbtu wkoll l-iffriżar tal-embrijuni mal-adozzjoni, fejn ġenitur jew ġenituri prospettivi jridu jagħżlu li jagħtu għall-adozzjoni dawk l-embrijuni li ma jintużawx.
Dan ukoll ħasseb lill-akkademiċi u staqsew jekk ġenituri prosepettivi hux se jkunu lesti li jaddottaw embrijuni li diġà kienu meqjusa inferjuri fl-ewwel proċess ta’ għażla.
Bil-liġi kif inhi bħalissa, l-iffriżar tal-embrijuni huwa permessibbli biss f’każijiet eċċezzjonali, bħal pereżempju meta l-omm tkorri, tweġġa’ jew timrad ftit qabel ma jsir il-proċess tal-implantazzjoni.
‘Id-donazzjoni tal-gamiti u r-riskju s-saħħa’
Dwar id-donazzjoni anonima tal-isperma jew il-bajda, l-akkademiċi jisħqu li wieħed ma jistax jinjora l-fatt li dan iġib miegħu riskji ta’ saħħa.
Filwaqt li jinnota li l-emendi proposti jaħsbu biex inaqqsu r-riskju tat-trasmissjoni ta’ mard ġenetiku, id-dokument jisħaq li din mhijiex l-unika kwistjoni, għax hemm “toqol psikoloġiku” marbut magħha.
“Id-donazzjoni anonima tal-gamiti jagħmlu farsa mid-dritt tat-tifel jew tifla li jkun jaf jew tkun taf l-oriġini bijoloġika tagħha.”
F’kelma waħda, l-akkademiċi jisħqu li t-tfal kollha għandhom id-dritt ikunu jaf min hu l-veru missierhom u min hi l-veru ommhom.
“It-tfal imwielda mid-donazzjoni tal-gamiti qatt mhu se jkollhom l-opportunità li jistabbilixxu kwalunkwe relazzjoni mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom,” ikomplu l-akkademiċi.
Id-dokument isemmi wkoll li huwa minnu li hawn rġiel u nisa li minħabba raġunijiet naturali ma jistax ikollhom tfal. Iżda jisħqu wkoll li dawn is-sitwazzjonijiet huma rari u l-bidliet fil-liġi “għandhom ikunu introdotti biex jissalvagwardjaw in-norma u mhux l-eċċezzjoni.”
Il-kiri tal-ġuf...
Id-dokument ma joqgħodx idur mal-lewża. Anke jekk qed jissejjaħ kiri tal-ġuf altruwistiku, għax mingħajr ħlas, l-akkademiċi jisħqu li l-isem huwa “qarrieqi.”
Skont il-liġi, omm li twelled tarbija, li se titrabba minn ħaddieħor, trid tirrinunzja kull responsabbilità li trabbi l-wild bħala tagħha. Dan ifisser li t-tarbija ma tingħatax iċ-ċans li tkun konċeputa, żviluppata, imwielda u mrobbija mill-istess omm li ġabitha fid-dinja.
“Dan huwa mod ieħor kif il-ġisem tal-mara jitqies bħala oġġett,” jisħaq id-dokument waqt li jnaqqas ukoll mill-importanza tal-ġenituri fil-ħajja tat-tfal.
Filwaqt li l-akkademiċi jsemmu studji li saru u li juru kif il-kiri tal-ġuf f’ħafna drabi jirnexxi mingħajr l-ebda evidenza ta’ ħsara fuq it-tfal, il-parit huwa li dawn il-konklużjonijiet jittieħdu b’kawtela u jsiru aktar studji, anke għax l-istess riċerka msemmija għandha ħafna limitazzjonijiet.
L-emendi ma jiħdux inkonsiderazzjoni l-opinjonijiet diversi
L-akkademiċi lmentaw ukoll li dawn l-emendi tressqu mingħajr ma ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet diversi li ħarġu waqt il-konsultazzjoni pubblika li saret fl-2015.
“Ġaladarba ma kien ippubblikat l-ebda rapport bir-riżultati tal-konsultazzjoni, mhuwiex possibbli li wieħed jistabbilixxi l-impatt li l-opinjoni pubblika kellha fuq il-mod kif il-Gvern qed jipproponi li jilleġiżla fuq kwistjoni serja u insensittiva,” ikompli d-dokument.
Jinnutaw ukoll kif kienet injorata għal kollox il-‘position paper’ ‘Legislation Regulating Assisted Human Procreation,’ li kienet inkitbet minn għadd ta’ esperti fuq talba tal-Arċidjoċesi.
L-akkademiċi ġejjin minn dawn il-fakultajiet: Tax-Xjenza, tal-Mediċina u l-Kirurġija, tal-Liġi, tat-Teoloġija, tal-Edukazzjoni, tal-Arti, tal-Ekonomija, tal-Managment u l-Accountancy, tax-Xjenza għas-Saħħa, tal-Inġinerija, tat-Teknoloġija għall-Informatika u l-Kommunikazzjoni, tal-Midja u tal-Benessri tas-Soċjetà.
Uħud mill-konklużjonijiet tad-dokument minn perspettiva ta’ drittijiet
- L-embrijuni ffriżati se jkunu mċaħħda mid-dritt li jiżviluppaw
- Terz tal-embrijuni se jmutu malli jinħarġu mill-friża
- Embrijuni li jiżviluppaw se jkunu mċaħħda mid-dritt uman għall-identità
- L-għażla bejn embrijun u ieħor se tkun diskrimatorja u kontra d-dritt tal-ugwaljanza
- Il-liġi se tħares l-interessi ta’ min jixtieq ikollu t-tfal b’dettriment tal-aktar persuni vulnerabbli
- Il-mara se tkun meqjusa oġġett u kkunsidrata bħala inkubatur
- Ommijiet se jiċċaħħdu mir-rabta emozzjonali li tista’ tinbet bejn l-omm u t-tarbija waqt li qed tiżviluppa
- L-interess tat-tfal mhux se jibqa’ l-aktar importanti
- Ġenituri se jkunu ‘sfurzati’ jagħtu l-embrijuni tagħhom b’daqqa ta’ pinna
- Tfal se jkunu mċaħħda mid-dritt li jkunu jafu l-oriġini bijoloġika tagħhom