Il-Kap Eżekuttiv tad-Awtorità tal-Artijiet, Carlo Mifsud, irriżenja mill-kariga tiegħu wara 16-il xahar u minflok se jkun qed jgħin fit-twaqqif ta' awtorità ġdida biex tirregola s-settur tal-kostruzzjoni.
Ir-raġuni għafejn irriżenja għadha mhux magħrufa għalkemm fuq Facebook, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li Mifsud se jkun qed jgħin fit-twaqqif ta' din l-awtorità li se ġġib taħt saqaf wieħed il-funzjonijiet kollha tal-BICC (Building Industry Consultative Council), BRO (Building Regulations Office), BRB (Building Regulations Board) u l-Bord tal-Bennejja.
Borg irringrazzja lil Mifsud għall-professjonalità tiegħu u qal li l-Awtorità se tkun qed toħroġ sejħa biex jimtela' dan il-post.
Sadanittant, Peter Mamo se jservi bħala Acting Chief Executive Officer.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus kien ikkritika l-ħatra ta' Mifsud għax filwaqt li fakkar li kien ekskandidat Laburista, insista wkoll li kien intgħażel minn fost aktar persuni kwalifikati.
L-Awtorità tal-Artijiet kienet twaqqfet lura fl-2016, wara dak magħruf bħala l-iskandlu ta' Gaffarena, bil-għan li tiżdied it-trasparenza u l-effiċjenza.