Ritratti | Mijiet jippakjaw Triq ir-Repubblika biex juru solidarjetà mal-Pulizija

Il-President ta' Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-Kummissarju tal-Pulizija huwa fost dawk li attendew il-mixja

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Mijiet ta' persuni laqgħu s-sejħa tal-Pulizija ta' Malta u ngħaqdu f'mixja tul Triq ir-Repubblika biex juru solidarjetà mal-membri tal-korp u mal-Kuntistabbli Simon Schembri, li għadu qed jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.

Il-President ta' Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kienu fost dawk li attendew għall-mixja.

Dan apparti l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anglu Farrugia, Ministri u membri tal-Kabinett u anke Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Schembri ttajjar u tkaxkar tul it-triq minn żagħżugħ ta' 17-il sena meta għamillu sinjal biex jieqaf sabiex jitolbu d-dokumenti tas-sewqan.

Iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti akkużat b'attentat ta' qtil u 22 akkuża oħra. Huwa wieġeb mhux ħati u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.

F’kummenti lill-midja, il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar saħaq li kibbret l-arja fil-konfront tal-Pulizija, iżda saħaq li l-ħidma qatt ma waqqfet.

“Irranġajna ħafna affarijiet,” saħaq il-Kummissarju tal-Pulizija waqt li tkellem fuq il-kundizzjonijiet aħjar li għandhom illum il-Pulizija bis-saħħa tal-ħidma konġunta bejn il-Korp u ż-żewġ unjins li jirrappreżentaw lill-membri tal-korp.

“Aħna se nagħmlu minn kollox lil Simon Schembri jsibna l-ħin kollu,” kompla l-Kummissarju waqt li saħaq li se jagħtuh l-għajnuna finanzjarja u psikoloġika li se jkollu bżonn.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Mal-MaltaToday, il-President tal-Police Officers Union, l-Ispettur Sandro Camilleri, qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed isir perikoluż ix-xogħol tal-Pulizija waqt li saħaq li bħalissa l-moral tal-pulizija huwa baxx u hemm rabja fost il-membri tal-korp.

“L-istatistika turi li qed innaqsu l-livell ta’ kriminalità, iżda għandha bżonn aktar tagħmir, għajnuna u appoġġ,” saħaq Camilleri. “Ilna jkollna inċidenti fejn il-Pulizija qed tiġi aggredita kontinwament, mhux biss fiżikament iżda anke moralment u verbalment.”

Diversi uffiċjali tal-pulizija li attendew għal din il-mixja esprimew it-tħassib tagħhom għal dak li ġara u appellaw lis-soċjetà biex tirrispetta x-xogħol tagħhom, għax ħadd ma għandu joħroġ għax-xogħol biex ma jirritornax lura.

More in Politika