‘Hemm bżonn l-impenn ta’ kulħadd biex neliminaw il-vjolenza fuq it-tfal’ - Il-President

Il-President b'appell għal politikakomprensiva bil-għan li telimina kull tip ta’ vjolenza fuq it-tfal

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca saħħqet li llum qabel għada, Malta għandha bżonn politika komprensiva biex telimina kull tip ta’ vjolenza fuq it-tfal.

Hija qalet dan waqt laqgħa li saret din il-ġimgħa, fil-Palazz ta’ San Anton b’antiċipazzjoni għall-konferenza globali bit-tema: ‘The Universal Prohibition of Corporal Punishment,’ liema laqgħa ser issir f’Malta bejn it-30 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju.

Waqt il-messaġġ tagħha, il-President qalet kif fi żmienha, li ssawwat it-tfal kienet forma ta’ dixxiplina aċċetta iżda insistiet li dak huwa żmien li għadda u wasal iż-żmien li din il-prassi tieqaf.

“Is-swat tal-ġisem huwa marbut partikolarment mat-tradizzjonijiet u l-kultura tagħna, għalhekk hemm bżonn l-impenn ta’ kulħadd biex inkunu nistgħu nassiguraw li l-vjolenza fuq it-tfal tiġi eliminata darba għal dejjem,” saħqet Coleiro Preca.

Filwaqt li qalet li l-leġiżlazzjoni hija importanti, insistiet li dan mhux biżżejjed u kien hawn li appellat li hemm bżonn jiġu mfassla policies fit-tul li jinkludu b’mod ħolistiku kull strata tas-soċjetà biex tinbidel din l-attitudni b’mod definittiv.

“Hemm ukoll, bżonn urġenti li jiġu introdotti għodod biex inkunu nistaw nevalwaw l-effettività tas-servizzi li jiġu pprovduti f’dan il-qasam,” kompliet tgħid il-President.

Temmet tgħid li l-preżenza tal-komunità internazzjonli f’Malta għandha tgħin biex jittieħdu l-miżuri deċiżivi biex ikun hawn politika komprensiva li tipproteġi u tiggarantixxi ambjent sigur għat-tfal.

Is-suġġetti li ġew diskussi waqt il-laqgħa ta’ din il-gimgħa se jkunu qed jiġu diskussi waqt il-konferenza globali li għaliha se jattendu aktar minn 100 delegat minn madwar id-dinja.

Il-konferenza qed tkun organizzata mill-Uffiċju tal-President, il-Ministeru għad-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Affarijiet Barraninu se tinfetaħ minn Marta Santos Pais, ir-Rappreżentanta Speċjali tal-Ġnus Magħquda kontra il-Vjolenza fuq it-Tfal.

Il-laqgħa se tkun maqsuma f’erbgħa gruppi fejn se jiġu diskussi suġġetti varji. Dawn jinkludu l-iżviluppar u t-titjib ta’ skills u gwidi għall-professjonisti li jaħdmu mat-tfal jew għat-tfal; kampanji ta’ tagħrif u informazzjoni immirati biex jimmobilizzaw is-soċjetà; prijorità fuq prevenzjoni; u li tiġi imfassla leġislazzjoni komprensiva.

Skont il-Kumitat tad-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda is-swat tal-ġisem huwa: “Kull tip ta’ piena fejn il-forza fiżika hija użata, u tkun intenzjonata biex tipprovoka xi tip ta’ ugigħ jew skomfort, żgħir kemm hu żgħir, li ġeneralment jinvolvi, daqqiet, daqqiet ta’ ħarta u swat lit-tfal bl-idejn jew bl-għajnuna ta’ xi oġġett.”

Iżda, apparti minn hekk, jeżistu forom oħra ta’ penitenzi li mhumiex fiżiċi, iżda li huma ugwalment krudili, u inkompatibbli mal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda, bħall-penitenzi li jiddisprezzaw, jumiljaw, jheddu, jbeżżgħu jew jirridikolaw lit-tfal.

More in Politika