Ġerusalemm għandha tkun belt miftuħa għar-reliġjonijiet kollha’

Jiem wara li l-Amerka mexxiet l-Ambaxxata tagħha minn Tel Aviv għal Ġerusalemm, Yendrick Cioffi jitkellem mar-rappreżentant tal-Ambaxxata Palestinjana f’Malta dwar dak li seħħ fl-aħħar jiem u l-isfidi li jiffaċċjaw il-Palestinjani f’Gaża

Fadi J. Hanania
Fadi J. Hanania

Ir-Rappreżentant tal-Ambaxxata Palestinjana f’Malta, Fadi G. Hanania, saħaq li Ġerusalemm mhux importanti biss għall-Palestinjani jew għall-Iżrael iżda hija l-belt tar-reliġjonijiet kollha.

Hanania kien qed jitkellem mal-gazzetta ILLUM ftit jiem biss wara li l-Istati Uniti mexxiet l-Ambaxxata tagħha minn Tel Aviv għal Ġerusalemm, b’bint il-President Amerikan, Ivanka Trump, tiddikjara lil din il-belt bħala l-kapitali ta’ Iżrael, wara li kixfet il-lapida b’pompa kbira.

Għall-Palestina din il-mossa kienet daqqa ta’ ħarta hekk kif parti mill-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina huwa propju dwar Ġerusalemm, bil-Palestina tisħaq li l-parti tal-Lvant tal-Belt hija tagħha.

Propju minħabba f’hekk li r-Rappreżentant tal-Ambaxxata qal li Ġerusalemm mhijiex biss belt iżda hija l-qalba tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina.

Iżda, fi kliemu, din hija ħasra għax saħaq li Ġerusalemm għandha tkun belt miftuħa li fiha kulħadd, hi x’inhi l-fidi tiegħu jew tagħha, għandu jkollu l-libertà li jipprattika t-twemmin tiegħu.

“Ġerusalemm għandha tkun il-belt tal-fidi, il-belt tal-paċi,” insista Hanania. “Aħna l-Palestinjani għandna bżonn permess speċjali mill-awtoritajiet Iżraeljani biex inżuru Ġerusalemm.”

Ivanka Trump waqt l-inawgurazzjoni tal-Ambaxxata Amerikana f'Ġerusalemm
Ivanka Trump waqt l-inawgurazzjoni tal-Ambaxxata Amerikana f'Ġerusalemm

Mistoqsi jekk jarax soluzzjoni għal dan il-kunfitt, Hanania qal li jekk tinstab soluzzjoni dwar Ġerusalemm, speċjalment għal dawk il-Palestinjani li 70 sena ilu kienu tkeċċew minn Ġerusalemm u li l-qraba tagħhom għadhom imċaħħda minn djarhom, se jkun aktar faċli li tinstab soluzzjoni għal dan il-kunflitt.

“Id-deċiżjoni tal-Amerikani biex imexxu l-ambaxxata tagħhom f’Ġerusalemm waqqgħet il-moral tal-poplu tagħna għax konna nittamaw li bl-għajnuna tal-Amerikani xi darba se naslu,” saħaq Hanania. “Għalina Lvant ta’ Ġerusalemm għandha tkun il-Kapitali tal-Istat Indipendenti Palestinjan u tkun miftuħa għal kulħadd.”

‘Nistennew aktar mill-komunità internazzjonali’

X’jaħseb dwar ir-reazzjoni tal-komunità internazzjonali dwar dan il-kunfitt, anke fid-dawl ta’ dak li ġara fl-aħħar jiem? Hanania ma darx mal-lewża iżda qal li l-Palestinjani qed jistennew aktar attenzjoni u għajnuna mill-pajjiżi l-oħra dwar it-tbatija, li fi kliemu, għaddejjin minnha l-Palestinjani, b’mod partikolari mill-Istituzzjonijiet Ewropej, issa li l-Amerikani tilfu l-krettu magħhom.

“Il-problema tagħna ilha għaddejja ’l fuq minn mitt sena. Nistennew li l-komunità internazzjonali taħdem aktar magħna biex xi darba tieqaf darba għal dejjem it-tbatija li għaddejjin minnha l-Palestinjani,” qal Hanania. “Aħna għadna nemmnu li jekk jintemm il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina dan se jfisser paċi fir-reġjun u stabbilità fil-Lvant Nofsani.”

‘Is-sitwazzjoni f’Gaża hija ħafna agħar minn kif tidher fil-midja’

Tkellimna wkoll dwar is-sitwazzjoni f’Gaża, strixxa ftit akbar minn Malta, b’popolazzjoni ta’ żewġ miljun persuna u li mill-2006 ’l hawn tinsab taħt assedju mill-forzi Iżraeljani. F’din l-istess belt, waqt li qed tinfetaħ l-Ambaxxata Amerikana f’Ġerusalemm, 62 Palestinjan inqatlu mis-suldati Iżraeljani waqt li kienu qed jipprotestaw.

Dan kien il-jum li fih inqatlu l-akbar għadd ta’ Palestinjani mill-offensiva militari tal-2014.

Is-sitwazzjoni f’Gaża ma hi feliċi xejn. Dawk li jgħixu fiha “ma għandhom l-ebda aċċess għad-dinja,” saħaq Hanania. La jeżisti ajruport, la port u hemm limitu fuq il-bżonnijiet ta’ kuljum li jidħlu f’Gaża, apparti li ċertu materjal lanqas biss jista’ jiddaħħal. Anke fejn jidħlu prodotti mediċinali hemm limitu u ħin. Immaġina persuna li jkollha tistenna l-permess biex tmur fi sptar biex tingħata l-kura.

“Fl-aħħar xahar biss inqatlu madwar 120 persuna,” kompla jispjega Hanania u dan sempliċiment għax waqt protesti paċifiċi, magħrufa bħala “Il-Mixja l-Kbira tar-Ritorn,” mixja simbolika li tfakkar is-70 sena minn meta eluf ta’ Palestinjani tkeċċew meta twaqqaf l-Istat ta’ Iżrael, resqu lejn żona, viċin il-fruntiera ma’ Iżrael, li fiha s-suldati Iżraeljani ma juru l-ebda ħniena.

60 persuna f'Gaża jinqatlu kiesaħ u biered f'ġurnata
60 persuna f'Gaża jinqatlu kiesaħ u biered f'ġurnata

Għalkemm xi drabi l-midja tkun akkużata li qed tesaġera meta tirrapporta dwar xi kunflitt, fil-każ ta’ Gaża, Hanania saħaq li s-sitwazzjoni li jinsabu fiha r-residenti hija ħafna agħar minn kif tidher fil-midja.

Kien hawn li mill-ġdid ikkritika l-komunità internazzjonali li fi kliemu, fl-aħħar snin, ma tantx ħablet rasha dwar dan il-kunflitt

Filwaqt li semma l-passi konkreti li ttieħdu fis-snin disgħin, bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali, biex tinstab soluzzjoni għal dan il-kunflitt, fakkar li mis-sena 2000 ’il quddiem, is-sitwazzjoni reġgħet marret għall-agħar anke għax il-proċess tal-paċi ma kienx irrispettat, speċjalment fejn jidħol l-Istat Indipendenti Palestinjan.

“7 miljun Palestinjan għadhom jittamaw li jirritornaw f’art twelidhom’

Aktar ‘il fuq semmejna kif 70 sena ilu, eluf ta’ Palestinjani tkeċċew minn djarhom u minn art twelidhom.

Fil-fatt, ta’ kull sena, il-poplu Palestinjan jfakkar dik magħrufa bħala n-Nakba, jiġifieri meta f’Mejju tal-1948, madwar 700,000 persuna minn 530 villaġġ, kienu sfurzati jħallu djarhom u pajjiżhom wara li twaqqaf l-Istat ta’ Iżrael.

Seba’ miljun Palestinjan għadhom qed jgħixu mifruxa ’l hawn u ’l hemm, jittamaw li xi darba jerġgħu jirritornaw lura f’art twelihom.

 “Ħafna għadhom sal-lum bla djar. Uħud minnhom jgħixu f’kampijiet tar-refuġjati fil-Libanu, fis-Sirja u fil-Ġordan,” saħaq Hanania. “Għadna sal-lum ngħixu din it-traġedja. Seba’ miljun Palestinjan għadhom biċ-ċavetta f’idhom, jittamaw li xi darba jirritornaw lura.

Siltiet mill-intervista ma’ Hanania se jkunu qed jixxandru matul din il-ġimgħa fuq il-paġna ta’ Facebook tal-gazzetta ILLUM.

More in Politika