Malta fost l-aktar li rċeviet talbiet ta’ ażil ġodda
- B’1,620 f’sena Malta hija fost l-aktar pajjiżi li rċevew applikazzjonijet ġodda, meta mqabbel mal-popolazzjoni
- Imma b’34,000+ fi tliet xhur il-Ġermanja hija l-aktar li rċeviet applikazzjonijiet
minn Albert Gauci Cunningham
Malta rreġistrat it-tielet l-ogħla rata ta’ persuni mill-UE kollha, li applikaw għall-ażil f’pajjiżna għall-ewwel darba meta mqabbel mal-popolazzjoni. Fil-fatt flimkien ma’ Malta, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, il-pajjiżi li kellhom l-ogħla numru ta’ persuni li applikaw għall-ażil għall-ewwel darba kienu Ċipru u l-Greċja. Il-gżira ta’ Ċipru laqgħet madwar 1,551 applikant għal kull miljun f’popolazzjoni, il-Greċja 1,204 u Malta 856. B’kuntrast, l-inqas pajjiżi illi kellhom applikazzjonijiet ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil għall-ewwel darba kienu l-Estonja (7 applikazzjonijiet għal kull 100), Slovakkja (8 applikazzjonijiet) u l-Litwanja (13-il applikazzjoni).
Fil-fatt fl-aħħar 12-il xahar Malta rċeviet b’kollox 1,620 applikazzjoni ta’ nies illi talbu l-ażil għall-ewwel darba jew medja ta’ 135 applikazzjoni kull xahar. Dan jimmarka żieda ta’ 3% meta mqabbel mal-ewwel kwart tal-2017.
Dawn il-fatti jirriżultaw minn statistika li ħarġet mill-Eurostat din il-ġimgħa hekk kif bħalissa għaddejja battalja ta’ kliem bejn Malta u l-Italja dwar immigranti li qed jitilqu mil-Libja u qed isibu kenn f’portijiet madwar l-Ewropa, bi żbarki li qed ifissru 900 persuna, bħal fil-każ ta’ Katanja aktar kmieni din il-ġimgħa.
Minkejja li s’issa ma ġewx dgħajjes b’immigranti f’pajjiżna (sakemm kien qed jinkiteb dan l-artiklu) jidher illi l-moviment ta’ nies lejn pajjiżna baqa’ għaddej. Tant illi dawn iċ-ċifri juru kif bejn Jannar u Marzu li għadda Malta kellha quddiemha 300 applikazzjoni, li minnhom aċċettat 175 u rriġettat 125. Dan ifisser li Malta approvat 59% tal-applikazzjonijiet tal-ażil, li titfagħna mal-iktar pajjiżi li approvaw applikazzjonijiet ta’ ażil. Fil-fatt ħarsa lejn xi pajjiżi oħrajn juri illi Malta tikkumpara tajjeb fil-persentaġġ ta’ rikonoxximent mogħti lill-immigranti bir-Repubbika Ċeka tirrikonoxxi 12%, id-Danimarka (50%), il-Greċja (42%), Franza (30%), l-Ungerija (48%), l-Italja (39%), il-Portugall (49%) u r-Renju Unit (28%).
Intant 125 applikazzjoni kienu rriġettati.
Is-Sirjani u dawk mis-Somalja l-aktar li japplikaw għall-ażil f’Malta
Minn fost dawk li applikaw għall-ewwel darba għall-ażil f’Malta l-ogħla persentaġġ kienu Sirjani b’31%. Fil-fatt kien hemm b’kollox 120 applikazzjoni mis-Sirja, 110 mis-Somalja (28%), 55 applikazzjoni mil-Libja (14%), 10 mill-Eritrea u l-Pakistan (3%) u 85 minn pajjiżi oħrajn (22%).
Is-Sirjani huma fil-fatt l-aktar persuni li talbu għajnuna għall-ewwel darba fl-UE kollha. Fil-fatt kienu b’kollox 15,825 immigrant mis-Sirja li talbu ażil għall-ewwel darba f’pajjiż tal-UE fl-ewwel kwart tas-sena.
Malta mhix id-destinazzjoni finali għall-immigranti...
Jgħidu li l-immigranti ma jridux jiġu Malta. Imma vera? Fil-fatt huwa vera, jew għallinqas vera skont iċ-ċifri tal-ewwel kwart ta’ din is-sena.
Fil-fatt l-aktar ‘pajjiż destinazzjoni’ għal dawk li kienu qed ifitxxu l-ażil kienet il-Ġermanja li rċeviet 34,365 applikazzjoni ta’ ażil fl-ewwel kwart tas-sena. Dan il-pajjiż hu segwit minn Franza b’25,255 applikazzjoni (19%), l-Italja b’17,825 (14%) u l-Greċja bi 12,965 (10%).
L-aktar li saru deċiżjonijiet madwar l-UE kollha kienu fil-konfront ta’ ċittadini mill-Afghanistan, is-Sirja u l-Iraq anke jekk minn dawn huma s-Sirjani biss li għandhom rata għolja ta’ rikonoxximent. Fil-fatt madwar it-28 pajjiż tal-UE, 86% tat-talbiet mis-Sirjani kienu rikonoxxuti, filwaqt li kienu biss 41% u 43% tat-talbiet mill-Iraq u l-Afghanistan li ġew rikonoxxuti. L-inqas talbiet ta’ ażil li kienu aċċettati kienu dawk Serbi (4%), Alġerini (6%) u mill-Ġorġja (4%).
Fl-2017, 650,000 persuna applikaw għall-ażil għall-ewwel darba f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u 538,000 ingħataw xi forma ta’ protezzjoni.
L-immigrazzjoni tibqa’ ta’ tħassib għall-Maltin...
Fi stħarriġ li kien ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea dan ix-xahar jirriżulta, kif jirriżulta minn stħarriġ li sar mill-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna, li l-immigrazzjoni tibqa’ kwistjoni ta’ tħassib għalina l-Maltin.
Mistoqsijin x’jaħsbu illi huma l-akbar żewġ kwistjonijiet li qed jiffaċċja l-pajjiż 39% wieġbu, l-immigrazzjoni fil-fatt huwa l-ogħla persentaġġ fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Malta hija segwita mill-Ġermanja (38%), l-Awstrija (29%) u l-Belġju (26%).