Mistenni jiżdied l-aċċess għall-kontraċettivi
Il-Ministeru tas-Saħħa qed jaħdem fuq it-tieni pjan nazzjonali għas-saħħa sesswali wara dak ippubblikat lura fl-2011
More in Politika
Il-Ministeru tas-Saħħa qed jaħdem fuq it-tieni pjan nazzjonali għas-saħħa sesswali wara dak ippubblikat lura fl-2011
Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-Gvern bħalissa qed jaħdem biex iħejji Pjan Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali ġdid, li fost oħrajn se jkun qed jindirizza b’mod partikolari l-aċċess għall-kontraċettivi.
Dan jiġi wara l-aħbar żvelata mill-gazzetta ILLUM illi Malta għandha fost l-ogħla rata ta’ nies infettati bis-Syphilis, marda trażmessa sesswalment.
Fil-fatt rapport ‘Health at a Glance’ ppubblikat lejn l-aħħar tas-sena l-oħra juri li aktar minn 11-il persuna minn kull 100,000 f’Malta huma infettati bis-Syphilis. Dan huwa aktar mid-doppju tar-rata medja fl-Ewropa, jiġifieri ta’ 5 persuni għal kull 100,000.
F’kummenti ma’ din il-gazzetta nhar il-Ħadd 3 ta’ Diċembru 2017 id-Direttur tal-GU Clinic Valeska Padovese kienet spjegat kif hemm diversi raġunijiet għall-fatt li r-rata ta’ persuni bis-Syphilis żdiedet u mistenija tkompli tiżdied. Hija qalet illi l-akbar problema hi li f’pajjiżna hawn nuqqas gravi ta’ għarfien, apparti li indikat illi ż-żieda qawwija ta’ ‘Massage Parlours’ mhux neċessarjament qed tgħin.
Intant nhar il-Ħadd 10 ta’ Ġunju, din il-gazzetta żvelat ukoll l-aħħar rapport mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li juri kif iż-żgħażagħ Maltin li għadhom taħt l-età huma fost l-aktar li kellhom x’jaqsmu sesswalment, imma fost l-inqas li użaw protezzjoni. Fil-fatt 25% tas-subien u 19% tal-bniet ta’ 15-il sena diġà kellhom x’jaqsmu sesswalment, minn dawn imma 41% biss qalu illi użaw il-protezzjoni.
Mhux l-ewwel attentat...
Dan il-pjan mhux l-ewwel attentat għal strateġija jew politika dwar din il-kwistjoni. Fil-fatt fl-2011 l-eks Ministru tas-Saħħa Joe Cassar kien ippubblika strateġija dwar dan is-suġġett b’emfasi partikolari fuq l-edukazzjoni, iżda bi ftit referenzi jew gwidi ċari dwar l-użu tal-kontraċettivi.
L-istrateġija tal-2011 kienet tipproponi li jkun hemm għarfien dwar is-suġġett, xi ħaġa li sas-sena l-oħra jidher li d-Direttur tal-GU Clinic qalet li m’hawnx. Ipproponiet ukoll li ssir strateġija ta’ edukazzjoni li titratta temi bħar-relazzjonijiet, assertività u l-abbilità li persuna tieħu deċiżjonijiet, ipproponiet ukoll li jsir taħriġ partikolari lill-professjonisti u attenzjoni speċifika lil gruppi bħal minoritajiet etniċi, persuni LGBTIQ, persuni li jużaw id-drogi, immigranti u ħaddiema fl-industrija tas-sess.
L-istrateġija tgħid illi hemm nuqqas ta’ informazzjoni u li l-edukazzjoni sesswali madwar l-iskejjel hija waħda “mhux ikkordinata”. Tgħid li l-informazzjoni li trid tingħata għandha tkun medikament u xjentifikament korretta, proprizja għall-età ta’ min qed ikun infurmat u li tieħu kunsiderazzjoni il-ġeneru, razza, abilità, status u orjentazzjoni sesswali.