‘Ħuduhom lura’...imma nistgħu?
Kważi kull dgħajsa bl-immigranti tintlaqa’ bl-istess kliem ‘morru lura minn fejn ġejtu’. Imma nistgħu nibagħtuhom lura jew le? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn x’tgħid il-liġi tal-UE...
minn Albert Gauci Cunningham
Din il-ġimgħa kompliet tkun iddominata mill-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Battibekki, dgħajjes u l-liġijiet kienu fuq fomm il-klassi politika u anke l-midja, hekk kif bħalissa u probabilment għaż-żmien li ġej il-Baħar Mediterran se jibqa’ jesperjenza immigranti li jitilqu mill-Afrika fi triqithom għal ħajja aħjar fl-Ewropa.
Imma l-liġi Ewropea x’tgħid eżatt? Ħafna fuq il-midja soċjali ġeneralment jilqgħu aħbarijiet ta’ immigranti bl-espressjoni issa popolari ‘go back to your country’. Imma nistgħu nibagħtuhom minn fejn ġew jew le? X’jgħidu l-liġijiet li aħna rridu nobdu għax aħna membri tal-Unjoni Ewropea? U finalment ir-regolamenti Ewropej x’jgħidu dwar mekkaniżmi ta’ solidarjetà?
Jekk ma kontx taf x’tgħid il-Liġi tal-UE, hawn hija spjega qasira fil-forma ta’ mistoqsija u tweġiba.
X’inhu l-għan ta’ sorveljanza mal-fruntieri?
Il-Liġi Ewropea tgħid li s-sorveljanza minn pajjiżi differenti fl-UE ssir biex tevita milli jkun hemm min jaqsam il-fruntiera b’mod illegali, biex tevita l-kriminalità jew inkella biex tieħu dawk il-miżuri li hemm bżonn biex jitnaqqsu l-attentati ta’ nies li jaqsmu l-fruntieri kontra l-liġi.
X’tgħid il-politika tal-UE tal-immaniġġjar tal-fruntieri, ażil u immigrazzjoni dwar is-solidarjetà bejn Stati Membri?
Is-solidarjetà hija kwistjoni li pajjiżi bħall-Italja u Malta sikwit iqajmu. Il-politika tal-UE hija ċara. L-UE tgħid li l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli għandha ssir “bil-prinċipju ta’ solidarjetà u qsim ġust ta’ responsabilità bejn Stati Membri.”
U x’kienu qablu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew?
Fir-regolazzjoni (656/2014) kien sar qbil li għandu jkun hemm promozzjoni tal-kunċett tal-‘burden sharing’. Minkejja dan, ir-regolazzjoni tagħmilha ċara li dan il-qsim tar-responsabilitajiet għandu jsir fuq bażi ‘volontarja’. Dan ifisser li l-ebda pajjiż mhu obbligat, legalment, biex jieħu immigranti.
Minnu nnifsu dan il-fatt qatel ħafna mill-effett li qatt seta’ jew jista’ jkollu mekkaniżmu ta’ ‘burden sharing’.
X’tgħid l-UE dwar l-operazzjonijiet ta’ kontrolli tal-fruntieri u pajjiżi terzi?
Ir-regolament jgħid ċar illi għandu jkun hemm koperazzjoni sħiħa ma’ pajjiżi terzi (fil-każ tagħna l-Libja, it-Tuneżija...) biex ikun miġġieled it-traffikar tan-nies mill-fruntieri u/jew kosti.
X’liġijiet u obbligazzjonijiet irid josserva pajjiż membru tal-UE?
Hemm bosta. Waqt is-sorveljanza tal-fruntieri/kosta Stat Membru bħal Malta jrid jirrispetta l-Liġi tal-Baħar tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjoni għas-Sigurtà tal-Ħajja fil-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali tat-Tfittxija u Salvataġġ u diversi konvenzjonijiet oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti.
Imma nistgħu nagħmlu pushback jew le?
Pushback. Ħafna persuni fuq il-midja soċjali jirreaġixxu għal stejjer dwar l-immigrazzjoni billi jgħidu li għandna nibagħtuhom lura minn fejn ġew. Jiġifieri jekk ġew mil-Libja nibagħtuhom lura hemmhekk. Imma nistgħu?
Le. Ir-regolamenti jgħidu b’mod ċar illi kull miżura fl-operazzjoni ta’ sorveljanza għandha tkun “proporzjonata, mhux diskriminatorja u għandha tirrispetta d-dinjità umana u d-drittijiet tar-refuġajti u dawk li qed ifittxu l-ażil, li jinkludi l-prinċipju li persuna ma tintbagħatx lura minn fejn ġiet mingħajr ma tingħata d-dritt li tgħaddi mill-proċess kollu ta’ applikazzjon għall-ażil jew talba għall-protezzjoni (non-refoulment).
Jekk immigrant jiġi l-Ewropa jfittex protezzjoni għax huwa gay, anke jekk f’pajjiżu m’hemmx inkwiet, nistgħu nibagħtuh lura?
Le ma nistgħux. Fil-fatt l-istess regolamentazzjoni tgħid illi l-ebda persuna m’għandha tingħata lura lil pajjiż fejn “hemm riskju serju li tkun suġġetta għall-piena tal-mewt, tortura, persekuzzjoni... jew fejn il-ħajja jew il-libertà tagħha tkun mhedda minħabba kwistjoni ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, orjentazzjoni sesswali jew opinjoni politika.”
Imma jekk Malta tagħmel arranġament mal-Libja (pereżempju) biex tibgħat immigranti lura, l-UE x’tindaħal?
Tindaħal. Għax ladarba daħlu Malta l-immigranti, ikunu daħlu f’territorju tal-UE. Ir-regolamenti jgħidu b’mod ċar li “l-eżistenza ta’ arranġament bejn Stat Membru u pajjiż terz ma jneħħix l-obbligu tal-Istat Membru fir-rigward tal-prinċipju li ma tibgħatx immigranti lura mingħajr ma jkunu għaddew mill-proċess kollu ta’ applikazzjoni ta’ ażil.
Hemm immigrant marid fuq dgħajsa li mhux fl-obbligu ta’ pajjiżna li jdaħħal. Mela għaliex xorta nagħtu għajnuna?
Apparti l-aspett purament uman, ir-Regolament approvat mill-Kunsill Ewropew jgħid li skont il-Liġi Internazzjonali “kull stat irid jara li... jagħti assistenza mingħajr dewmien lil persuni li jkunu fil-periklu li jintilfu u biex issalva lil dawk kollha li jkunu jinsabu f’qagħda ħażina (distress).”
Lil min se ngħinu l-ewwel?
Lit-tfal, inkluż dawk li ma jkunux akkumpanjati, vittmi ta’ traffikar tal-bniedem, dawk li għandhom bżonn assistenza medika, persuni b’diżabilità, dawk fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u oħrajn li jkunu f’sitwazzjoni vulnerabbli.
Imma kif se niddeċiedu min hu ġenwin u min le?
Immigrant huwa meqjus bħala “f’fażi inċerta” meta l-persuna jew id-dgħajsa jkunu nieqsa u/jew meta ma jaslux sal-pożizzjoni fejn kien mistenni li jasal. Meta jkun hemm informazzjoni li persuna jew bastiment jinsabu fil-periklu u fil-bżonn ta’ assistenza immedjata.
Ikunu wkoll ikkunsidrati fatturi oħrajn, bħal kemm id-dgħajsa li jkunu fuqha l-immigranti tkun kapaċi tbaħħar, il-preżenza possibbli ta’ nies mejta, it-temp u l-kundizzjonijiet tal-baħar kif ukoll l-forniment ta’ fjuwil, ilma u ikel.
Kif niddeċiedu fejn għandhom jitniżżlu?
U niġu għall-mistoqsija li tant tkellimna u tbaqbaqna mat-Taljani dwarha. Min għandu jieħu l-immigranti? Dawn ir-regolamenti jgħidu ċar u tond li l-immigranti għandhom jitniżżlu jew 1) – fil-kosta tal-pajjiż illi fiż-żona ta’ Tfittxija u Salvataġġ tiegħu nstabet id-dgħajsa bl-immigranti 2) f’każ ta’ dgħajsa li tkun f’parti mill-ibħra li ma taqa’ taħt l-ebda ġurisdizzjoni, jekk ikun possibbli (jiġifieri dejjem sakemm il-pajjiż ikun sigur) jitniżżlu fil-pajjiż minn fejn telqu, inkella 3) l-Istat Membru responsabbli għaż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ flimkien ma’ Stati Membri oħrajn li jkunu qed jgħinu “jidentifikaw post sigur” fejn jitniżżlu l-immigranti.
Jidher illi fil-każ ta’ pajjiżna konna qed nadottaw in-numru 3 b’ħafna mill-immigranti jmorru l-Italja, sakemm inbidel il-Gvern Taljan.
X’assistenza tagħti l-UE lil pajjiż bħal Malta?
Skont dan ir-regolament li qed nħarsu lejh f’dan l-artiklu pajjiż bħal Malta jista’ jingħata għajnuna permezz ta’ timijiet ta’ kontrolli tal-fruntieri, assistenza fuq kwistjonijiet ta’ koordinazzjoni bejn stati membri differenti u għajnuna permezz ta’ uffiċċju tal-ażil.