Aġġornata | Stikek tad-dijabete b'xejn fi 22 lokalità oħra madwar il-pajjiż

Il-Ministru Chris Fearne jfakkar illi f'pajjiżna jitqassmu mas-16-il miljun stikka lil 30,000 persuna

9.9% tal-Maltin ibatu bid-dijabete
9.9% tal-Maltin ibatu bid-dijabete

Wara li f’Mejju bdew jitqassmu stikek b’xejn lil dawk kollha li jbatu mid-dijabete u li huma residenti fil-lokalitajiet tal-Marsa, Ħamrun, Valletta u Floriana, żdiedu magħhom issa l-lokalitajiet tal-Baħrija, Dingli, Fgura, Mġarr, Mtarfa u Santa Venera.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li ta’ kull sena se jkunu qed jitqassmu mas-16-il miljun stikka lil madwar 30,000 persuna dijabetika f’pajjiżna, bl-ispiża ta’ madwar miljun ewro. “Ta’ kull xahar pazjenti li jiġbru l-mediċini minn lokalitajiet diversi tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek se jkunu qegħdin jirċievu ittra biex jiġbru l-istikek tagħhom. Il-proġett kien beda fl-2016 fejn l-ewwel li bdew jingħataw stikek b’xejn kienu t-tfal. Wara gradwalment żdiedu d-dijabetiċi tat-Tip 1 kollha u wara d-dijabetiċi tat-Tip 2 li qegħdin fuq l-insulina. Dawn kollha qed jingħataw erba’ stikek kuljum filwaqt li dawk fuq il-mediċina orali jingħataw stikka waħda kuljum.”

Fearne kompla jgħid li minn Mejju s’issa diġà hemm 10 lokalitajiet li r-residenti tagħhom qed jingħataw l-istikek b’xejn u bħalissa qed isir ix-xogħol neċessarju sabiex 22 lokalità oħra tingħaqad mal-lista eżistenti. Dawn se jkunu l-Birgu, Bormla, Buġibba, Għaxaq, Għawdex, Ħaż-Żebbuġ, Isla, Kalkara, Marsaskala, Marsaxlokk, Mellieħa, Pietà, Qawra, Qormi, Rabat, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Xgħajra, Żabbar, Żejtun, Mdina u San Ġiljan. “Hu ppjanat li l-kumplament tal-lokalitajiet li fadal ikunu parti minn din l-iskema sa tmiem din is-sena,” temm jgħid id-Deptat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Intant fi styqarrija l-MEP Nazzjonalista Francis Zammir Dimech sostna li "l-Gvern għandu jieqaf jipprova jagħti l-impressjoni li qiegħed jagħmel xi ħaġa dwar id-dijabete u minflok jindirizza l-isfidi reali tad-dijabetiċi. F'dan ir-rigward, nirrepeti t-tliet appelli tiegħi: biex jipprovdi Continuous Glucose Monitors b'xejn għal dijabetiċi Type 1, jipprovdi labar tal-pinna 4mm għat-tfal b'xejn,  jistabbilixxi Kumitat parlamentari dwar id-Dijabete."

L-MEP Francis Zammit Dimech, ko-President tal-Grupp ta' Ħidma tad-Dijabete tal-UE, qal dan b’reazzjoni għall-istqarrija maħruġa mill-Gvern Malti, li fiha ħabbar li l-istikek għad-dijabete b’xejn se jkunu disponibbli minn aktar lokalitajiet, pass milqugħ b’mod pożittiv minn Zammit Dimech.

Fit-3 ta' April, Francis Zammit Dimech kiteb ittra lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fejn appella lill-Gvern biex jipprovdi Continuous Glucose b'xejn għal dijabetiċi Type 1. Zammit Dimech għamel dan l-appell wara bosta appelli magħmula mill-ġenituri waqt konferenza li organizza fuq id-dijabete taħt l-awspiċji tal-President ta' Malta. Il-Ministru ma rrispondiex għall-ittra u rrikonoxxa biss l-ittra permezz tas-Segretarju Privat tiegħu. Minflok, il-midja kienet infurmata li din il-proposta kienet qed tiġi kkunsidrata.

Zammit Dimech qal li hu bagħat ittra oħra biex iħeġġeġ lill-Ministru biex jagħmel disponibbli labar tal-pinna tal-4mm għat-tfal b'xejn peress li l-Gvern kien qiegħed joffri biss labar ta' 6mm. "Dan kien qed iwassal biex il-ġenituri jixtru pakketti ta' 100 labra tal-4mm għall-prezz ta' €11 biex jitnaqqas l-uġigħ fuq it-tfal. Madankollu, tali talba ġiet miċħuda mill-gvern minħabba raġunijiet ta' effettività."

Madankollu, Zammit Dimech qal li kien infurmat mill-ġenituri li tkellmu mal-pedjatri dwar id-daqs tal-labar tal-pinna u li approvaw l-użu tal-labar tal-pinna 4mm. Skond il-ġenituri, l-professjonisti wkoll għamlu talba uffiċjali għal labar tal-pinna tal-4mm, liema talba ġiet miċħuda. Il-Gvern qed ikun rasu iebsa u qed iżomm mal-pożizzjoni tiegħu għax qed jagħżel li jinjora l-professjonisti u l-ġenituri, qal Zammit Dimech. 

More in Politika