Fost l-orħos kontijiet... fost l-ogħla prodotti tal-ikel
Ċifri tal-Eurostat juru li pajjiżna għandu fost l-ogħla prezzijiet ta’ ikel u xorb non alkoħoliku, imma fost l-orħos kontijiet tad-dawl u l-ilma
minn Albert Gauci Cunningham
L-għoli tal-ħajja jifnik, kienet tgħid stqarrija politika fid-90ijiet. U llum l-għoli tal-ħajja qed jifni lill-poplu? Il-ħajja f’Malta qed togħla jew le? U kemm qed tolqot nies, pereżempju, iż-żieda fil-kera privata?
Rapport tal-Eurostat jgħid li f’ċerti prodotti Malta, iva, għandha prezzijiet pjuttost irħas. Imma fi prodotti Malta hija fost il-pajjiżi bl-ogħla prezzijiet.
Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda ikel (ħobż, ċereali, prodotti bħal żjut, ħaxix, frott, juices u aktar) l-indiċi ta’ Malta huwa ta’ 109.8 u allura huwa ogħla mill-medja Ewropea (100).
Il-Ġermanja, Ċipru u l-Greċja huma fost il-pajjiżi li għandhom prezzijiet ta’ ikel li għalkemm inqas minn Malta, huma pjuttost viċin. Prezzijiet ta’ ikel huma l-ogħla fl-Iżlanda, id-Danimarka u l-Iżvezja u huma l-inqas fir-Rumanija, il-Polonja u l-Bulgarija.
Dan jirriżulta minn studju ‘The European Economy since the start of the Millenium’ li sar mill-Eurostat u li jidħol fid-dettall ta’ diversi aspetti ekonomiċi tat-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
Min-naħa l-oħra fejn jirrigwarda prezzijiet u għoli tal-ħajja Malta xorta tibqa’ pajjiż relattivament u ġeneralment irħis, fil-fatt minkejja li l-prezzijiet tal-ikel huma fuq in-naħa l-għolja, servizzi oħrajn huma irħas mill-medja Ewropea.
Dawl, ilma u aktar fost l-irħas...
F’dak li jirrigwarda dawl, ilma, gass u fjuwils oħrajn kif ukoll manutenzjoni tad-dar, b’indiċi ta’ 54.5 Malta għandha fost l-irħas prezzijiet. Dan huwa riżultat tal-fatt li fl-aħħar snin il-Gvern preżenti raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma filwaqt li raħħas u stabilizza l-prezzijiet tal-gass. F’dan il-grupp hemm ukoll il-kirjiet, li f’pajjiżna raw żieda qawwija minħabba d-domanda, speċjalment minn ħaddiema barranin. Minkejja dan, peress li l-persentaġġ ta’ dawk li jikru f’Malta huwa baxx imqabbel ma’ dawk li huma sidien ta’ darhom, l-impatt ġenerali fuq il-prezzijiet ma jkunx daqstant kbir.
Il-prezzijiet f’pajjiżna huma daqs il-medja jew ftit iktar f’diversi servizzi fosthom, l-edukazzjoni f’kull livell u allura l-edukazzjoni privata li hija bil-ħlas, l-edukazzjoni tal-Knisja permezz tad-donazzjonijiet u kull tip ta’ edukazzjoni f’dak li jirrigwarda materjal għall-iskola. Fil-komunikazzjoni, u allura prezzijiet tat-telefonija, TV, internet u tagħmir elettroniku Malta hija kważi daqs il-medja tal-prezzijiet fl-UE, filwaqt li l-prezzijiet huma ftit ogħla mill-medja f’dak li jirrigwarda alkoħol (spirti), tabakk, inbid u aktar.
Il-Maltin; poplu sid ta’ daru...
Jekk qed tħoss li l-prezz tal-proprjetà matul l-2017 ogħla, fil-fatt kellek raġun. Il-prezzijiet tal-proprjetà fl-2017 għolew b’4.9%, li tfisser żieda inqas mis-snin ta’ qabel, l-2015 u l-2016, meta ż-żidiet kienu 5.8% u 5.5% rispettivament. Din iż-żieda fl-2017 tikkumpara sew mal-medja ta’ żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà madwar l-UE, li kienet ta’ 4.4%.
Imma jekk hemm ċifra illi fiha Malta taqbeż sew il-medja Ewropea, hija dik li titratta dawk li huma sidien ta’ darhom. Fil-fatt 81.4% tal-Maltin huma sidien ta’ darhom, ċifra li hija 12.2% aktar mill-medja tal-UE.
Min-naħa l-oħra huma 18.6% tal-Maltin li jgħixu f’kirja, ċifra li hija madwar 12% inqas mill-medja fl-UE. Fir-Renju Unit 36.6% tal-poplu jgħix f’kirja, fi Spanja 22%, fl-Italja 27.7% u Franza 35.1%.
Kulħadd jaħdem fis-servizzi
Intant l-istess ċifri u statistika turi li l-Maltin bħal ħafna mill-Ewropej qed jaħdmu fis-servizzi, jiġifieri impjiegi f’lukandi, restoranti, carers, f’servizzi mogħtija permezz ta’ impjiegi mal-gvern, is-servizzi finanzjarji u oħrajn. Fil-fatt 81% tal-Maltin u l-Għawdxin jaħdmu jew għandhom impjieg fis-servizzi, li hija ogħla mill-medja ta’ 73% li jaħdmu fis-servizzi fl-UE.
21% tal-poplu Malti għandu impjieg fl-industrija u 1.5% biss għandhom impjieg fl-agrikoltura, li hija 3% inqas mill-medja fl-UE.