Il-Parlament japprova l-ewwel qafas regolatorju għat-teknoloġija blockchain
...b'hekk Malta se tkun pijuniera f'dan il-qasam b'diversi kumpaniji mistennijin jirrilokaw f'Malta
More in Politika
...b'hekk Malta se tkun pijuniera f'dan il-qasam b'diversi kumpaniji mistennijin jirrilokaw f'Malta
Il-Parlament Malti approva tliet liġijiet—l-atti li se jwaqqfu l-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali, il-Liġi dwar l-Arranġamenti u s-Servizzi għat-Teknoloġija Innovattiva, u l-Att dwar l-Assi Finanzjarji Virtwali. Permezz ta’ dawn il-liġijiet se jkun qed jitwaqqaf l-ewwel qafas regolatorju għat-teknoloġija DLT, fosthom il-blockchain, fid-dinja.
Kienu bosta l-kumpaniji minn qabel m’għadda dan il-qafas regolatorju, l-ewwel tax-xorta tiegħu, li ħabbru li se jkunu qed joperaw minn pajjiżna.
Fi stqarrija l-Gvern qal illi dawn l-investimenti se jwasslu għal aktar ġid u aktar xogħol għal pajjiżna."Malta kienet pijuniera sabiex permezz tal-innovazzjoni tkompli ssostni l-ekonomija b’saħħitha tagħha, b’ħolqien ta’ niċċa ekonomika ġdida, li pajjiżi oħra, ferm akbar minna, qed iħarsu lejna sabiex jużaw bħala eżempju."
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri, fisser dan il-pass bħala importanti ħafna għax permezz tiegħu se nkunu qed nagħtu l-għodda kollha neċessarji sabiex kumpaniji, li sal-lum kienu joperaw f’qasam mhux regolat, ikunu jistgħu jaħdmu f’settur regolat minn liġijiet b’saħħithom.
"Dan kollu se joffri serħan il-moħħ mhux biss lill-investituri iżda anke lil dawk kollha li jużaw din it-teknoloġija ġdida li qed tbiddel id-dinja," qal Silvio Schembri.