Sant jgħid li l-UE hija maqsuma fuq l-immigrazzjoni
...iħeġġeġ lill-Presidenza Awstrijaka biex tnaqqas id-differenzi bejn l-Istati Membri
More in Politika
...iħeġġeġ lill-Presidenza Awstrijaka biex tnaqqas id-differenzi bejn l-Istati Membri
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant ħeġġeġ lill-Presidenti Awstrijaka tal-Unjoni Ewropea biex taħdem ħalli tnaqqas id-differenza bejn l-Istati Membri għax fi kliemu, f’ħafna oqsma politiċi, id-diverġenzi qed jiżdiedu.
Huwa qal dan waqt id-dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar din il-Presidenza u matulu saħaq li, fost oħrajn, in-nuqqas ta’ qbil bejn il-punent u l-lvant ħarġu ċari, mmexxija mill-kriżi tal-immigrazzjoni.
Dan apparti differenza oħra, fosthom f’affarijiet ekonomiċi u anke fejn tidħol il-governanza.
“Naqbel li bl-involviment ta’ aktar awtoritajiet nazzjonali u lokali, id-diverġenzi jistgħu jiġu trattati aħjar. Iżda l-istituzzjonijiet Ewropej ma għandhomx ikollhom inqas jew iżjed poteri u responsabbiltajiet minn dawk definiti mit-Trattati,” saħaq Sant.
Il-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz ippreżenta lill-Parlament Ewropew il-prijoritajiet tal-Presidenza Awstrijaka li bdiet fl-1 ta’ Lulju u għandha sal-aħħar ta’ Diċembru 2018.
Il-prijoritajiet imfassla mill-Gvern Awstrijak għall-Presidenza tal-UE bl-islogan “Ewropa li tipproteġi” huma s-sigurtà, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni, il-kompetittività permezz tad-diġitalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-istabilità fil-pajjiżi ġirien tal-UE.