Dalgħodu ħallew Malta l-ewwel grupp ta' immigranti li ddaħħlu abbord il-bastiment MV Lifeline wara ħamest ijiem jistenna bejn sema u ilma.
Ħabbar dan fuq Twitter il-Prim Ministru Joseph Muscat li semma kif dan l-ewwel grupp ta' immigranti se jkun qed imur Franza.
Fakkar li dan kien il-ftehim li ntlaħaq bejn disa' pajjiżi u li kien wassal biex Malta taċċetta li ddaħħal għandha dawn l-immigranti.
B'kollox kienu 234 l-immigranti abbord dan il-bastiment.
Waqt il-konferenza dakinhar li ddaħħal il-bastiment, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-immigranti se jkunu qed jitqassmu fost tmien pajjiżi, jiġifieri Malta, Franza, l-Italja, il-Portugal, il-Lussemburgu, l-Irlanda, il-Beljum, l-Olanda u aktar tard in-Norveġja.
Ftit jiem wara, il-Gvern ħabbar li mhux se jħalli NGOs, simili għal dawk li kienu qed imexxu l-operazzjoni abbord il-bastiment Lifeline, milli joħorġu u jidħlu fil-portijiet Maltin, deċiżjoni li ġabet il-kundanna ta' ħafna, fosthom anke l-Isqfijiet Maltin.
Minn dakinhar, ittella' l-Qorti l-kaptan tal-bastiment Lifeline, akkużat li r-reġistrazzjoni tal-bastiment ma kinitx kif suppost. Matul l-ewwel smigħ issemma' wkoll li l-kaptan ma kellux liċenzja biex ibaħħar ħafna 'l barra mill-kosta.