'Barriera fl-Imqabba qed tfur bl-iskart tal-kostruzzjoni' - PD
Il-Partit Demokratiku ħeġġeġ lill-Gvern biex jiddikjara x'inhuma l-pjanijiet tiegħu għall-futur...
More in Politika
Il-Partit Demokratiku ħeġġeġ lill-Gvern biex jiddikjara x'inhuma l-pjanijiet tiegħu għall-futur...
Il-Partit Demokratiku ħeġġeġ lill-Gvern biex jiddikjara x'inhuma l-pjanijiet tiegħu, kemm għalissa u anke għall-futur, dwar l-iskart iġġenerat mill-kostruzzjoni u d-demolizzjoni.
Mal-istqarrija, il-Partit Demokratiku bagħat filmat, miġbud ilbieraħ, li juri barriera fl-Imqabba "li qed tfur bl-iskart tal-kostruzzjoni," minkejja ordni ta' infurzar li ħarġet ġimgħat ilu.
"Il-pajjiż ma jistax ikompli jirreaġixxi skont il-kriżijiet li jinqalgħu flok jieħu azzjoni konkreta," tkompli l-istqarrija. "L-Awtorità tal-Ippjanar qed tagħlaq għajnejha ripetutament."
Fakkar li l-ispazji li fihom jista' jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni spiċċa u dan meta l-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex se tiġġenera ‘l fuq minn miljun tunellata ta’ skavar li jammonta għal kważi l-ammont kollu li tiġġenera l-industrija tal-kostruzzjoni f’sena sħiħa.
"Din il-kriżi ma ġietx fuqna għal għarrieda. Gvernijiet wieħed wara l-ieħor ilhom għexieren ta’ snin jafu li dan il-mument se jasal. Qatt ma saret evalwazzjoni sura, u qatt ma ġiet ippjanata strateġija fit-tul. Inizzjattivi serji biex jiġu rriċiklati ammonti sostanzjali tal-iskart mill-kostruzzjoni – li hija riżorsa li m’hemmx għalfejn tintrema – qatt ma ttieħdu," tkompli l-istqarrija.
Kien f'dan id-dawl li staqsa jekk il-Gvern huwa jaħseb dwar soluzzjonijiet sostenibbli ta’ ekonomija ċirkulari fejn l-iskart mill-kostruzzjoni jerġa' jiġi użat u riċiklat u jekk jaħsibx għal soluzzjonijiet alternattivi.