David Davis, is-Segretarju tal-Gvern Ingliż għal Brexit, irriżenja mill-Kabinett tal-Prim Ministru Therese May wara xhur imexxi n-negozjati li se jwasslu biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Fl-ittra tar-riżenja, Davis ikkritika l-pjan ta' Theresa May għal Brexit, liema pjan kien approvat nhar il-Ġimgħa li għadda.
Huwa qal li dak li qed tipproponi May se jpoġġi lill-Parlament Ingliż f'pożizzjoni dgħajfa fin-negozjati mal-Unjoni Ewropea.
Fit-tweġiba tagħha, Theresa May qalet li ma taqbilx mal-pożizzjoni tiegħu iżda rringrazjatu għal xogħlu.
Ir-Renju Unit suppost se jħalli l-Unjoni Ewropea fid-29 ta' Marzu tal-2019 wara referendum li kien sar lura fl-2016.
L-Unjoni Ewropea u l-Gvern Ingliż għadhom qed jinnegozjaw dwar ir-relazzjoni tagħhom, partikolarment dik kummerċjali, wara Brexit.
Il-Partit ta' May qiegħed iżomm b'maġġoranza delikata ta' 10 siġġijiet ta' Membri Parlamentari mill-Irlanda ta' Fuq li huma parti mill-Partit Unjonista Demokratiku.
Kwalunkwe diverġenza tista' tfisser inkwiet kbir għall-Gvern tal-Prim Ministru Theresa May.