L-Immigrazzjoni; id-dilemmi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea

Min jgħid ‘pushback’ min jgħid ‘integrate’. Bejn il-liġi u l-korla tal-votanti. Bejn dak li hu moralment korrett u l-popolarità. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn ftit mid-dilemmi li qed tiffaċċja l-UE bil-kwistjoni tal-immigrazzjoni

L-immigrazzjoni hija kwistjoni li għandha diversi wċuħ u li allura toħloq diversi dilemmi. Dilemmi soċjali u morali għal diversi politiċi kif ukoll għall-Unjoni Ewropea kollha. Ħafna drabi dak li huwa sew u ġust u dak li huwa uman u ħanin, mhux neċessarjament huwa dak li hu popolari u li jinżel tajjeb mal-elettorat. Għaldaqstant politiku jiġi f’sitwazzjoni li jrid jagħżel bejn dak li huwa sew u dak li se jakkwistalu biżżejjed voti biex iżomm lilu nnifsu fil-poter. Bejn dak li huwa strettament legali u dak li huwa morali.

Din il-gazzetta tat ħarsa lejn id-dilemmi morali, soċjali u politiċi li tqajjem din il-kwistjoni li hija tant kumplessa.

Ngħinu u nsalvaw il-ħajjiet  għax l-ewwel prinċipju jibqa’ l-ħajja jew inżommu sod mal-liġi biex ma jinħolqux preċedenti...

L-ewwel dilemma u waħda mill-akbar hija din. Hemm dgħajsa, bħalma kienet l-MV Lifeline, li lanqas biss tinsab fl-ibħra Maltin u li Malta m’għandha ebda obbligu li ssalvaha. Mela allura għaliex pajjiżna intervjena kif fil-fatt għamel?

Id-dilemma hija illi jekk pajjiżna (jew kwalunkwe pajjiż ieħor) jintervjeni, il-Gvern ikun akkużat minn faxxa tal-poplu illi qed joħloq preċedent. U fil-fatt, dan huwa minnu. Għaliex bl-għarfien illi dejjem se jkunu salvati, l-immigranti se jsibu raġuni tajba u kunfidenza biżżejjed  biex jaqsmu u b’hekk jagħmlu l-vjaġġ. Iċ-ċans li jkunu salvati huwa kbir u kbir ukoll iċ-ċans li immigrant jispiċċa f’dak il-pajjiż fejn jixtieq li jmur.

Min-naħa l-oħra jekk il-Gvernijiet ma jintervjenux ikunu qed jistiednu r-riskju ta’ mwiet u/jew mard serju. L-ebda Gvern, pajjiż jew poplu ma jrid li jkollu fuq il-kuxjenza tiegħu tant imwiet, apparti li jkunu qed jinkisru d-drittijiet tal-bniedem għall-ħajja kif ukoll għall-ażil.

Fil-fatt inkunu qed niksru d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti li tgħid illi kull persuna għandha dritt għall-ħajja (artiklu 3), li kull persuna  għandha dritt ta’ moviment ħieles fil-pajjiż kif ukoll id-dritt li jitlaq jew jirritorna fil-pajjiż (artiklu 13) u kulħadd għandu dritt li jfittex u jgawdi minn ażil f’pajjiż ieħor (artiklu 14).

Il-pajjiż ikun qed jikser il-liġi tal-Unjoni Ewropea wkoll hekk kif din, kif irrappurtat fuq din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda, tesiġi illi Stat Membru għandu jsegwi l-liġijiet u konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li lkoll jagħtu prijorità lill-ħajja umana u jsalva jew jgħin immigranti li jkollhom problema ta’ saħħa.

Dan ifisser illi jekk pajjiż ma jaċċettax immigranti għax m’għandux obbligu jaċċettahom, ma jkun qed jikser ebda liġi. Jekk dawn jibqgħu fil-baħar minkejja problemi ta’ saħħa jew potenzjalment mewt jista’ jkun li jkun qed jikser konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem meta jirrifjuta li jagħti l-għajnuna.

Niftħu ċentri ta’ pproċessar tal-ażil u nkissru lit-traffikant jew ma niftħu xejn għax noħolqu preċedent

Qed isiru proposti, fosthom mill-Partit Popolari Ewropew (EPP), biex jinfetħu ċentri ta’ pproċessar ta’ applikazzjonijiet ta’ ażil. F’kelma waħda jekk tkun interċettata dgħajsa bl-immigranti, din id-dgħajsa tittieħed dejjem f’dan il-pajjiż, sakemm ikunu eżaminati l-applikazzjonijiet kollha tal-ażil.

Ma ninsewx ukoll li dan qed iseħħ fil-kuntest illi l-Liġi Ewropea wkoll tispeċifika b’mod ċar illi l-immigrant għandu dejjem ikollu d-dritt li jgħaddi mill-proċess ta’ applikazzjoni ta’ ażil.

Min-naħa dawn iċ-ċentri, jekk ikunu f’pajjiż fit-Tramuntana tal-Afrika, ikunu jfissru l-qerda totali jew kważi tat-traffikar tal-bnedmin mill-kosta tal-Libja għall-Mediterran (ħalliha li t-traffikar jibda minn ħafna qabel dawn l-immigranti jaslu l-Libja). Li tneħħi lit-traffikant u tagħmel ċentru ta’ ażil tista’ tfisser trattament uman u ġust lill-immigrant, vjaġġi siguri u allura protezzjoni tal-ħajja umana.

Id-dilemma hija illi ladarba/jekk l-Ewropa se tkun qed tiftaħ dawn iċ-ċentri, awtomatikament se tkun qed tistieden lill-immigranti jidħlu fil-kontinent għax se jkunu dejjem aċċertati li jgħaddu mill-proċess ta’ applikazzjoni ta’ ażil. Dan jista’ jfisser illi n-numru ta’ immigranti deħlin fl-Ewropa, potenzjalment, jiżdied ħafna.

Jaqdu d-dmirijiet u l-obbligi jew inkella jagħlqu l-portijiet u jappellaw għall-votanti lokali

Politiku jew mexxej ta’ pajjiż kif ukoll il-partiti fl-oppożizzjoni għandhom  jaraw illi l-obbligu li għandu pajjiż josservah. Jiġifieri jekk pajjiż għandu jieħu l-immigranti, għax jinsabu eqreb għall-kosta tiegħu għandu jagħmilha.

Jekk josserva l-liġijiet u anke konvenzjonijiet il-Gvern tal-pajjiż, bħal Malta jew l-Italja, ikun qiegħed  jaqdi dmiru skont il-liġijiet kif inhuma fil-preżent, xi ħaġa li kif nafu ma niżlet tajjeb xejn ma’ ħafna popli, bħal dak Taljan li għażel partiti tal-lemin illi telgħu fil-Gvern proprju fuq l-għajta li titwaqqaf l-immigrazzjoni.

Il-każ tal-Italja, flimkien ma’ oħrajn bħar-Renju Unit (BREXIT), is-sehem tal-lemin estrem fil-Gvern tal-Awstrija, il-fatt li Le Pen ġiet qrib li tkun fil-gvern u anke l-instabilità fil-Gvern ta’ Merkel, wera illi l-osservanza tal-obbligi internazzjonali qed tkun issagrifikata fuq l-altar tal-populiżmu u l-assolutiżmu. Ta’ ‘kollha barra’, ‘issiġillaw il-fruntieri’, ‘ibnu l-ħitan’ u ‘go back to your country’.

Dan il-politiċi jafuh u jafuh sew u naturalment qed iħossu l-pressjoni dejjem tiżdied ta’ votanti li mhumiex lesti jivvutaw lill-kandidati u partiti li għandhom politika illi tiftaħ wisq il-bibien għall-immigranti u b’viżjoni ta’ pajjiż kożmopolitan, fejn it-taħlit tal-kulturi huwa ċċelebrat.

Dan jgħodd ukoll għall-partiti tal-Oppożizzjoni, li qegħdin jew se jkollhom jagħmlu għażla ċara dwar x’pożizzjoni se jieħdu. Jekk hux appoġġ bla kundizzjoni lill-Gvern, jekk hux appoġġ aktar kawt b’aċċenn aktar uman jew inkella hux se jfittxu il-kisba tal-voti fuq kollox u jwiegħdu ħitan, issiġġillar, ‘pushbacks’ li ma jistgħux isiru jew inkella f’każ estrem (imma li diġà rajna bħalu) il-proposta biex il-pajjiż jitlaq mill-UE.

UE: Ewropa miftuħa imma biċ-ċans ta’ aktar Gvernijiet ‘Populisti’ bħal tal-Italja u l-Ungerija

L-Unjoni Ewropea għandha quddiemha test qawwi u serju li wħud, forsi xi ftit jew wisq pessimisti, qed jgħidu li tista’ tifred lill-Ewropa. Id-dilemma hija din; jew tkompli tinsisti illi trid Ewropa miftuħa, mibnija fuq it-taħlit tat-tradizzjonijiet, razez u kulturi u allura tilqa’ fi ħdanha immigranti, kemm legali kif ukoll dawk li ġejjin bla dokumenti jew inkella tingħalaq u tagħlaq il-fruntieri, bil-ħsieb li tippreserva soċjetà iktar omoġenja, li jkollha allura lingwa, etniċità u kultura simili.

Jekk L-Ewropa se tiftaħ il-bibien u tkun kontinent aktar kożmopolitan se tkun qed tkompli fuq il-prinċipji u l-politika li dejjem segwiet. Se jkompli jkollha ħafna ħaddiema biex jimlew il-postijiet tax-xogħol, biex iħallsu t-taxxi u biex jiġġeneraw aktar ġid. Min-naħa l-oħra, id-dħul ta’ aktar immigranti jfisser ukoll aktar iffullar, aktar nies u aktar problemi li popolazzjoni ikbar ġġib magħha.

Min-naħa l-oħra iżda jekk l-UE se tinsisti li timxi f’din it-triq tista’ tistenna aktar oppożizzjoni, li aktar partiti lemini jikbru u jespandu u li Gvernijiet bħal dak ta’ Merkel ikun instabbli minħabba din il-kwistjoni.

F’dan il-każ Malta, s’issa, għadha xi ftit tal-eċċezzjoni hekk kif ma ntlaqtitx mill-mewġa qawwija favur politika aktar leminija, anti-immgrazzjoni, favur soċjetà aktar omoġenja, tradizzjonalista u aktar soċjalment koservattiva.

Iktar Gvernijiet bħal dak ta’ Salvini jistgħu jfissru inkwiet serju għall-Ewropa, li minflok waħda federali kif inhi l-ħolma ta’ ħafna pro-Ewropejisti, issir Ewropa ta’ pajjiżi li qed jaqdfu għalihom infushom f’dak li jirrigwarda kontrolli tal-fruntieri, xi ħaġa li tmur dijametrikament kontra l-prinċipju ta’ moviment ħieles.

L-Ewropa kollha tinsab f’dilemma. Issostni l-valuri tas-solidarjetà jew inkella tħalli l-immigrazzjoni tkun il-fattur ewlieni li jtella’ u jwaqqa’ Gvern? Issalva jew tieħu lura? Tiġġedded b’aktar nies ġodda jew tippreserva?

More in Politika