L-Alleanza għas-Saħħa Mentali laqgħet ir-rakkomandazzjonijiet li għamel l-Awditur Ġenerali dwar l-isptar Monte Carmeli u saħqet li hemm bżonn investiment li jmur lilhinn mill-infrastruttura.
Fi stqarrija, l-Alleanza, li tirrappreżenta pazjenti, infermiera u anke professjonisti oħra saħqu li f’dan l-isptar hemm bżonn li jiżdiedu r-riżorsi, jingħata aktar taħriġ u anke tiżviluppa “kultura ġdida” fost dawk li jaħdmu f’dan is-settur.
Ilbieraħ il-gazzetta ILLUM irrappurtat kif in-nuqqas ta’ ħaddiema qed joħloq problemi mal-amministrazzjoni tant li l-bidliet neċċessarji mhux qed isiru.
Kien f’dan id-dawl li l-Alleanza saħqet li jekk se jiżdiedu r-riżorsi, il-ħaddiema se jħossuhom aħjar u jkun aktar koperazzoni mat-tmexxija.
Propju għalhekk li l-Alleanza tenniet li hemm bżonn Stateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mental “jekk irridu li s-servizzi tagħna jilħqu l-livelli internazzjonali.”
Laqgħet ukoll ir-rakkomandazzjoni tal-Awditur Ġenerali, jiġifieri li l-iżvilupp ta’ faċilitá ġdida għall-kura akuta jibqa’ prijoritá u li anke jiżdiedu s-servizzi tal-kura fil-komunitá.
“Il-proċess biex isiru l-bidliet neċessarji huwa twil u jeħtieġ li għalih ikunu allokati biżżejjed fondi u jkun ippjanat kif meħtieġ,” tkompli l-istqarrija. “Stateġija nazzjonali biss tista’ tassigura li dan iseħħ.”