‘Pass lura’; Dalli u Metsola dwar is-summit tal-UE

Iż-żewġ MEPs jisħqu li r-rilokazzjoni fuq bażi mandatorja qatt ma ħadmet u mhux se taħdem issa

L-MEPs Miriam Dalli u Roberta Metsola
L-MEPs Miriam Dalli u Roberta Metsola

F’intervista mal-gazzetta ILLUM l-Ewroparlamentari Miriam Dalli u Roberta Metsola wrew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li s-summit tal-Unjoni Ewropea dwar il-migrazzjoni ma wassal imkien.

Minkejja d-diverġenzi politiċi u l-opinjoni differenti tagħhom dwar kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat irnexxielu jikkonvinċi lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, kemm Dalli u anke Metsola saħqu li flok ’il quddiem, dan is-summit ħa lill-Unjoni Ewropea pass lura.

Fost oħrajn, iż-żewġ Ewroparlamentari wrew ix-xettiċiżmu tagħhom dwar ir-rilokazzjoni fuq bażi volontarja li dwarha ntlaħaq qbil. Anzi saħqu li mill-esperjenza wieħed jista’ jikkonkludi li r-rilokazzjoni volontarja ma tista’ qatt taħdem.

Dwar kif ittieħdet id-deċiżjoni fuq l-MV Lifeline, l-Ewroparlamentari ma qablux. Filwaqt li Roberta Metsola saħqet li l-Gvern ma jistax jitratta dak li qed jiġri każ b’każ, Miriam Dalli nsistiet li Joseph Muscat irnexxielu jġib flimkien il-mexxejja ta’ disa’ pajjiżi.

Sodisfatta b’dak li qablu dwaru l-mexxejja waqt is-summit tal-Kunsill tal-Ewropa?

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew huma ħafna inqas minn dak li kien ġie deċiż fil-Parlament Ewropew ta’ kif għandha tkun it-triq ’il quddiem u x’azzjonijiet hemm bżonn li jittieħdu dwar il-migrazzjoni.

Ma jistax ikun li kif ikun riesaq is-sajf u nibdew nisimgħu b’bastimenti jaqsmu l-ibħra jqum paniku mill-Gvernijiet u mbagħad fix-xhur l-oħra jinsew li din hi problema permanenti. Għalhekk jeħtieġ li l-azzjoni tkun waħda ħolistika, fit-tul u tħares lejn aspetti ta’ kif għandha titwaqqaf il-migrazzjoni rregolari u li tgħin lill-poplu li jinsabu f’diffikultajiet.

Taqbel mal-kritika li saret, jiġifieri li mis-summit ma ħareġ xejn ġdid ħlief proposti riċiklati tal-Valletta Summit? Rilokazzjoni fuq bażi volontarja tista’ qatt taħdem?

Il-Partit Nazzjonalista diġà wera d-diżappunt tiegħu li fl-aħħar summit il-Prim Ministri Ewropej ma waslux għal qbil fuq il-qsim tar-responsabbilità tal-immigrazzjoni u li din tkun waħda mandatorja. Li kull każ jiġi trattat għalih individwalment ma jaħdimx fit-tul għaliex l-immigrazzjoni hi waħda kontinwa. Barra minn hekk li tipprova tfittex soluzzjoni ad hoc għal każijiet differenti jfisser li waqt li jkun għaddej il-ħin jaf ikollok imwiet ta’ nies u tfal. Il-ġimgħa li għaddiet rajna tfal mejta fuq l-idejn. Inħsadna, imma billi tinħasad biss ma tkun qed tagħmel xejn u ma ssolvi xejn.

Il-PN saħaq li l-UE injorat is-sitwazzjoni f’Malta. Taqbel li s-summit offra soluzzjoni għal pajjiżi bħall-Italja, il-Ġermanja u Spanja u xejn għalina?

Kont nistenna li l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, jikkonvinċi lill-Prim Ministri l-oħra madwar il-mejda fuq il-kwistjoni sensittiva. Infakkar li l-Prim Ministri ta’ qablu, Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi waqt negozjati diffiċli kienu jaslu għaliex kienu jikkonvinċu bl-argumenti tagħhom.  Xtaqt nara lill-Prim Ministru ta’ pajjiżna jikkonvinċi dwar soluzzjoni fit-tul. Dan ma ġarax. Nittama u nawgura li f’okkażjonijiet oħra, inkluż fuq din il-kwistjoni, jasal.

Hemm bżonn li l-Gvern jgħid x’inhi l-politika tiegħu dwar il-migrazzjoni. Qed jittratta dak li qed jiġri każ b’każ u dan hu żball. Dak li qed jagħmel idgħajjef il-pożizzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea Roberta Metsola

Kważi ħmistax ilu, wara jiem ta’ diskussjoni, Malta aċċettat il-bastiment Lifeline u niżżlet għandha l-immigranti. Ċediet jew hekk kien xieraq li tagħmel?

Aħna niddefendu s-sovranità tagħna. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu minna u f’pajjiżna dwar dak li jolqot lilna. Imma din mhix kwistjoni ta’ ċċedi jew iżżomm iebes biex tipprova tagħti lezzjoni lil xi ħadd meta jkun hemm il-ħajja tan-nies fin-nofs. Għalhekk nenfasizza li l-Kunsill Ewropew għandu jdaħħal fis-seħħ inizjattivi li ġew suġġeriti u maqbula fil-Parlament Ewropew.

Taqbel ma’ min qed jgħid “Salvini jiddetta u Muscat isegwi?”

Dawn id-dikjarazzjonijiet jingħadu għaliex il-Gvern Laburista mhux ikun trasparenti dwar il-politika fuq il-migrazzjoni. Hemm bżonn li l-Gvern jgħid x’inhi l-politika tiegħu dwar il-migrazzjoni. Qed jittratta dak li qed jiġri każ b’każ u dan hu żball. Dak li qed jagħmel idgħajjef il-pożizzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, għamilha ċara li jixtieq li f’pajjiżna jkun hawn qbil nazzjonali dwar l-immigrazzjoni. Nittamaw li l-Gvern jilqa’ l-offerta tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Kieku int kont Prim Ministru, f’din is-sitwazzjoni, x’kont tagħmel differenti?

Jien nista’ ngħid x’għamilt jien bħala membru tal-Parlament Ewropew. X’jagħmel il-Prim Ministru hu responsabbli u marbut li jagħti kont għalih hu. Fil-pożizzjoni tiegħi ħdimt biex l-Unjoni Ewropea tieħu inizjattivi biex l-immigrazzjoni tiġi indirizzata b’mod permanenti. Ġejt inkarigata biex flimkien ma’ Membru Parlamentari Ewropew Soċjalista nfasslu rapport dwar il-migrazzjoni. Dan ir-rapport ġie approvat b’maġġoranza qawwija u jisħaq dwar il-bżonn ta’ tibdil effettiv biex is-soluzzjonijiet ikunu permanenti. Fejn meħtieġ għandu jkun hemm integrazzjoni iżda fl-istess waqt min mhux intitolat għall-protezzjoni jsiru l-arranġamenti biex imur fil-pajjiż li minnu jkun ġie.

Ħdimt ukoll biex jiżdiedu l-fondi allokati biex tiġi indirizzata l-immigrazzjoni biex inqas nies iħossu l-bżonn li jaħarbu minn pajjiżhom u jfittxu kenn f’pajjiż ieħor.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista f’aktar tibdil qed tistenna li ssir riforma tat-Trattat ta’ Dublin. Irridu li r-responsabbilità ma tkunx biss tal-pajjiżi li jilqgħu l-wasliet.

Sodisfatta b’dak li qablu dwaru l-mexxejja waqt is-summit tal-Kunsill tal-Ewropa?

Ir-risposta qasira għal-mistoqsija hija “le”. U ngħid dan għaliex minkejja li rajna enfasi kbira fuq l-immigrazzjoni fil-konklużjonijiet xorta jibqa’ l-fatt li ħafna mid-diskors li sar huwa dwar ideat ta’ x’jista’ jsir. Għalija hu aktar inkwetanti l-fatt li minn ċertu aspetti qed inħoss li ċertu pajjiżi qed imorru lura anke mill-impenn li daħlu għalih. Pereżempju, naraw xi ntqal dwar rilokazzjoni ta’ persuni li ngħataw l-ażil u jinsabu fl-Italja u l-Greċja. Jekk sa ftit ilu konna qed nitkellmu dwar impenn għall-Istati Membri, issa f’daqqa waħda qed nitkellmu dwar rilokazzjoni fuq bażi ‘volontarja’.

Bħala Maltin, qabel l-2013, esperjenzajna xi jfisser meta l-Istati Membri jgħidu li se jieħdu azzjoni b’mod volontarju. Dejjem fisser li jkunu biss il-pajjiżi tal-fruntiera bħalna li jġorru r-responsabiltà.  Ma jistax ikun li l-Istati Membri jippretendu li jkun hemm ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-ażil b’mod mgħaġġel u sigur u fl-istess ħin iħallu lil dawk l-istati Membri li ma jridu jagħmlu xejn, jibqgħu għaddejjin qisu mhu xejn.

Kien hemm min ipprova jagħti l-impressjoni li hu ddiżappuntat li ma ssemmietx Malta għaliex qabel kienet tissemma. Bir-rispett kollu, kellna nies li jieħdu gost li tissemma Malta fil-konklużjonijiet tal-Kunsill meta fil-konkret u fir-realtà ma kienet tingħata l-ebda soluzzjoni reali u effettiva għal pajjiżna.

Taqbel mal-kritika li saret, jiġifieri li mis-summit ma’ ħareġ xejn ġdid ħlief proposti riċiklati tal-Valletta Summit? Rilokazzjoni fuq bażi volontarja tista’ qatt taħdem?

Il-problema mhijiex il-proposti li joħorġu. Il-problema hija l-implimentazzjoni ta’ dawk il-proposti. Proposti jsiru ħafna. Biżżejjed wieħed jara l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riforma ta’ Dublin u r-rapport tal-Parlament Ewropew fuq l-istess proposta fejn tlabna li jkun hemm sistema ċentralizzata fejn kull pajjiż jidħol għal din ir-responsabiltà. Din ir-riforma iżda hija mwaqqfa għalkollox għax għandek ċertu pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li qed jimblukkaw kollox.

Kważi nħoss li morna pass lura mid-dikjarazzjoni tal-Valletta Summit, għax hemmhekk kien hemm qbil li l-pajjiżi jirrispondu b’mod deċiżiv biex flimkien jamministraw l-immigrazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà u ‘shared responsibility.’ L-aħħar konklużjonijiet tal-Kunsill tkellmu biss dwar ‘shared effort’ fuq bażi volontarja.  Hemm bżonn politika ċara ta’ kif verament jistgħu jiġu indirizzati l-affarijiet fl-integrità tagħhom.

L-esperjenza tgħallimna u turina li r-rilokazzjoni fuq bażi volontarja ma taħdimx. Jekk inħarsu lejn il-figuri tar-rilokazzjoni mill-Greċja u l-Italja - figuri li qabblu fuqhom l-Istati Membri fl-2015 - tara li Malta u l-Irlanda biss żammew mal-impenn li ħadu. Hemm pajjiżi bħal Polonja u l-Ungerija li lanqas ħadu persuna waħda. Hemm pajjiżi li ħadu aktar min-nofs tal-impenn li daħlu għalih u oħrajn li għadhom ħafna lura. Ma nemminx bis-solidarjetà volontarja. Jew se tkun solidali dejjem jew se tkun solidali meta u fejn jaqbillek biss. Hemm pajjiżi li qed jopponu kwalunkwe miżura f’dan ir-rigward u kompromess politiku ħafna drabi jispiċċa jitlob li għallinqas taqbel fuq il-minimu li dwaru jista’ jaqbel kulħadd. Imma dak ma jfissirx li huwa l-ideali.

Il-PN saħaq li l-UE injorat is-sitwazzjoni f’Malta. Taqbel li s-summit offra soluzzjoni għal pajjiżi bħall-Italja, il-Ġermanja u Spanja u xejn għalina?

Nistaqsi lir-rappreżentanti tal-PN kif meta kellna Gvern Nazzjonalista kienu jikkuntentaw sempliċiment għax pajjiżna kien jissemma f’xi sentenza fil-konklużjonijiet tal-Kunsill mingħajr ma jkunu qatt ingħataw xi soluzzjoni effettiva? Forsi kienu jagħmlu tajjeb ukoll ir-rappreżentanti tal-PN kieku segwew id-diskors tal-President tal-Kunsill Donald Tusk din il-ġimgħa fil-Parlament stess meta tkellem dwar l-appoġġ lil pajjiżna fil-pożizzjoni tiegħu.

Kważi nħoss li morna pass lura mid-dikjarazzjoni tal-Valletta Summit, għax hemmhekk kien hemm qbil li l-pajjiżi jirrispondu b’mod deċiżiv biex flimkien jamministraw l-immigrazzjoni Miriam Dalli

Il-PN, jew għall-anqas il-Kap tiegħu qal li din mhijiex kwistjoni partiġġjana imma mbagħad tisma’ ċertu stqarrijiet u tirrealizza li lanqas għandhom politika jew strateġija għal dan il-qasam.

Kważi ħmistax ilu, wara jiem ta’ diskussjoni, Malta aċċettat il-bastiment Lifeline u niżżlet għandha l-immigranti. Ċediet jew hekk kien xieraq li tagħmel?

Min jgħid li Malta ċediet mhux qed jifhem is-sitwazzjoni. F’Unjoni Ewropea fejn għandek pajjiżi li qatt ma jaqblu li jidħlu għar-responsabiltà kollha flimkien, għall-ewwel darba fl-istorja sabu lill-Prim Ministru tal-iżgħar pajjiż tal-Unjoni Ewropea jressaq flimkien disa’ pajjiżi biex jaqblu bejniethom u jġorru r-responsabiltà flimkien. Min iċedi jbaxxi rasu mhux isib soluzzjonijiet għall-problemi quddiemu. Fi żmien meta kulħadd qed jipprova jaħbi din il-problema taħt it-tapit, pajjiżna qiegħed jaħdem biex jinstab bilanċ li jagħmel sens.

Taqbel ma’ min qed jgħid “Salvini jiddetta u Muscat isegwi?”

Dik hija n-narattiva li ċertu persuni estremi jistgħu jippruvaw jimbuttaw. Ir-realtà hi li Salvini huwa persuna li m’għandux politika. Populist mingħajr strateġija. Persuna li jipprova jirkeb fuq in-nazzjonaliżmu estrem biex imexxi l-unika haġa li jemmen fiha - attakk sħiħ fuq kull min mhux bħalu. Salvini, flok jipprova jsolvi problema fi sħab ma’ pajjiżi oħra sħabu, jipprova biss jitfa’ l-problema fuq pajjiżna. Min-naħa l-oħra, bil-kapaċità u t- tmexxija tiegħu, Joseph Muscat qam għall-okkażjoni meta ħaddieħor qagħad b’idu fuq żaqqu.

Kieku int kont Prim Ministru, f’din is-sitwazzjoni, x’kont tagħmel differenti?

L-aktar ħaġa importanti li f’kulma nagħmlu naraw li ħaddieħor iżomm l-obbligi tiegħu, li aħna nħarsu l-obbligi tagħna u li naċċertaw ruħna li ma jkunx hemm persuni innoċenti li jitilfu ħajjithom.

More in Politika