Il-kumpanija ta' Zaren Vassallo b'direct order ta' €3 miljun

Care Malta se tkun qed tilqa' fid-dar tagħha f'Tas-Sliema madwar 120 pazjent li se jkunu trasferiti mill-Isptar Monte Carmeli

Care Malta, kumpanija li tispeċjalizza fid-djar tal-anzjani, ingħatat direct order ta’ €3 miljun biex tirċievi dawk l-anzjani li jkunu se jinħarġu mill-isptar Monte Carmeli.

Din il-kumpanija hija parti minn Vassallo Group li s-sid tagħha huwa Zaren Vassallo, negozjant u eks Sindku tal-Mosta f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Skont is-sit MaltaToday, id-dar tal-anzjani li l-kumpanija għandha f’Tas-Sliema, se tkun qed tirċievi madwar 120 pazjent anzjan li se jkunu qed jiġu trasferti mill-Isptar Monte Carmeli minħabba xogħlijiet infrastrutturali.

Dawn il-pazjenti, li wħud minnhom għandhom ‘il fuq minn 90 sena, jinsabu fi swali għall-kura tal-pazjenti li jbatu mid-dimensja.

L-aħbar kienet ikkonfermat mill-Ministeru għas-Saħħa minkejja li ma spjegax għalfejn ma saret l-ebda sejħa ta’ interess iżda direct order lill-kumpanija ta' Vassallo.

Il-Ministeru qal biss li wara snin twal ta’ telqa, il-Ministeru għas-Saħħa beda programm ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ fl-Isptar Monte Karmeli u li minħabba f’hekk, għadd ta’ pazjenti, se jkunu qed jiġu trasferiti, għax diversi swali jeħtieġu xogħlijiet infrastrutturali drastiċi.

Qal ukoll li l-pazjenti, wieħed wieħed, ġew assessjati biex ikun assigurat li jistgħu jiġu trasferiti u l-qraba tagħhom ġew infurmati wkoll.

Il-ġimgħa li għaddiet, id-Deputat tal-Oppożizzjoni Mario Galea talab lill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali biex jinvestiga dan it-trasferiment li fi kliemu mhux se jkun ta’ ġid għal dawn il-pazjenti anzjani.

L-istess Galea qal lil MaltaToday li l-qraba kienu infurmati wkoll li l-istess pazjenti mhux se jkunu qed jirritornaw fl-Isptar Monte Carmeli wara x-xogħlijiet.

Insista li wħud minn dawn il-pazjenti huma dipendenti ħafna fuq infermiera kwalifikati u t-tobba u mhux carers.

Minkejja dan, il-Ministeru baqa’ jinsisti li l-pazjenti li se jkunu trasferiti huma dawk li jistgħu jingħataw il-kura fi djar tal-anzjani u mhux neċċessarjament fi sptar speċjalizzat fis-saħħa mentali.

Intant, l-Isptar Monte Carmeli kien fiċ-ċentru ta’ rapport xejn sabiħ tal-Awditur Ġenerali li ddeskriva t-telqa li teżisti f’dan l-isptar u n-nuqqas ta’ sigurtá.

More in Politika