Jikber l-inkwiet għal Theresa May; Jirriżenja wkoll Boris Johnson
F'inqas minn 24 siegħa, May titlef tlieta mill-aktar Ministri importanti
More in Politika
F'inqas minn 24 siegħa, May titlef tlieta mill-aktar Ministri importanti
Il-ġimgħa ma tantx bdiet tajba għall-Prim Ministru Ingliż Theresa May hekk kif wara r-riżenja tas-Segretarju għal Brexit, David Davis, issa kien imiss lis-Segretarju għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, biex iħalli l-Kabinett.
Dan ifisser li f'inqas 24 siegħa, May tilfet tlieta mill-aktar ministri importanti tal-kabinett tagħha, hekk kif aktar qabel ħabbar ukoll ir-riżenja Steve Baker, il-Ministru għall-Unjoni Ewropea.
Huma ħabbru r-riżenja tagħhom ftit sigħat qabel Theresa May tindirizza l-Parlament dwar il-pjan il-ġdid għal Brexit, liema pjan ma tantx jidher li niżel tajjeb ma' wħud mid-Deputati tal-Partit Konservattiv.
Downing Street ikkonferma din l-aħbar u filwaqt li qal li l-Prim Ministru May tirringrazja lil Johnson għall-ħidma tiegħu, mistennija tħabbar fil-ħin li ġej, min se jkun qed jieħu postu.
Jidher li f'laqgħa li damet għaddejja ġurnata, nhar il-Ġimgħa li għadda, Theresa May ippruvat tasal għal kompromess mal-kabinett maqsum tagħha, iżda wħud mill-Ministri, fosthom dawn it-tlieta, baqgħu ma' qablux dwar il-pjan aktar sottili għal Brexit.
Johnson kien wieħed mill-mexxejja tal-kampanja favur Brexit li wasslet għar-referendum tal-2016.