'Immigrazzjoni bla pjan tista' tfisser tbatija għall-barranin u għall-Maltin' - PN

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ mill-ġdid lill-Gvern biex ikun trasparenti fil-pjan tiegħu dwar l-immigrazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jgħid xi pjan għandu għall-immigrazzjoni għax fi kliemu, immigrazzjoni bla pjan u "maħsuba biex tonfoħ it-totali ekonomiċi" tista' twassal għal tbatija, kemm għall-barranin u anke għall-Maltin.

Huwa qal dan fi stqarrija li fiha għamel referenza għal statistika tal-Eurostat li fi kliemu turi kif f'sena waħda biss, il-popolazzjoni ta' Malta żdiedet bi 15,400 persuna biex b'kollox Malta għandha popolazzjoni ta' 475,700.

"L-istess ċifri juru li din iż-żieda kienet kważi kollha kkawżata mill-immigrazzjoni, għax iż-żieda naturali meta tnaqqas l-imwiet mit-twelid kienet biss ta' 700," spjega l-PN waqt li saħaq li aktar minn qatt qabel hemm bżonn trasparenza dwar il-politika ekonomika ta' immigrazzjoni li, fi kliemu, il-Gvern imbarka fuqha.

'Konferma ta' dak li qed iħossu n-nies...'

Waqt li tikkwota aktar statistiċi, l-istqarrija tispjega kif 15,000 immigrant ifissru żieda ta' 3.3% fil-popolazzjoni. Tispjega kif jekk dawn jaħdmu kollha ikun ifisser żieda ta'  7% fl-ammont ta' nies li huma attivi ekonomikament, li jfisser li l-ekonomija tikber b'rata ħafna anqas mit-total li jitkellem fuqu l-Gvern.

Kompla jikkwota l-aħħar ċifri tal-Prodott Domestiku Gross, li żdied b'4.4 % fl-aħħar 12-il xahar u magħha żied jgħid li "minn din ir-rata ta' tkabbir trid titnaqqas iż-żieda fil-popolazzjoni ekonomikament attiva biex wieħed jieħu stampa vera tat-tkabbir li qed isir ras għal ras bħala medja għal kull ħaddiem. U minn dan jirriżulta dak li qed iħossu ħafna nies: li ras għal ras, it-tkabbir hu ferm u ferm anqas minn kemm jgħid il-Gvern, proprju għax it-tkabbir ġej minn żieda fil-popolazzjoni u mhux minn żieda ras għal ras," kompla l-PN.

Żieda fil-popolazzjoni tfisser pressjoni fuq...

Apparti kwistjonijiet oħra, bħall-pagi, il-Partit Nazzjonalista insista li ż-żieda fil-popolazzjoni titfa' pressjoni fuq numru ta' setturi, fosthom fuq l-ambjent, fuq l-infrastruttura, fuq it-toroq, fuq it-traffiku, fuq it-trasport pubbliku u fuq il-kirjiet, fost oqsma oħrajn.

Kien għalhekk li l-istqarrija tkompli tisħaq li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni mhijiex kwistjoni ta' 'jekk' imma ta' 'x'tip' u 'kemm'.

"Immigrazzjoni fl-interess nazzjonali ġġib Malta barranin kapaċi li jgħallmu u jħarrġu lill-ħaddiema Maltin f'industriji ġodda u b'hekk jiżdiedu l-pagi tal-ħaddiema Maltin," ittenni l-istqarrija.

Temm jisħaq li ċ-ċifri ppubblikati llum mill-Eurostat għandhom iservu ta' biex is-soċjetà tagħna tiddibatti b'mod raġunat, statistiku u fattwali l-politika tal-Gvern dwar l-immigrazzjoni u ħeġġeġ lill-Gvern ikun trasparenti dwar il-pjan tiegħu.

More in Politika