Il-Qorti reġgħet, għat-tieni darba, ċaħdet il-ħelsien mill-arrest ta' Alfred Degiorgio (il-Fulu), George Degiorgio (iċ-Ċiniż) u Vince Muscat (il-Koħħu). Dawn it-tlieta qed ikunu akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, maqtula f'karozza bomba lura fis-16 ta' Ottubru 2017.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit iddeċidiet li l-irġiel għandhom jinżammu taħt arrest.
Il-qorti fakkret fir-rekord kriminali tal-irġiel, u qalet illi huma kienu kkundannati għal diversi offiżi fil-passat. Il-Maġistrat fakkret ukoll li dan juri li dawn ma jkollhom ebda skrupli li "jerġħu jiżbaljaw u jiksru l-liġi jekk ikollhom l-opportunità."
Il-Maġistrat qalet illi l-att tal-qtil ta' Caruana Galizia "kien ferm disturbanti u jista' jikkumpara tajjeb mal-eżekuzzjoni ta' atti mafjużi....din il-Qort tħoss li għandha tipproteġi is-soċjetà b'mod ġenerali..".
Fid-dawl ta' dan Stafrace Zammit ma tatx lit-tliet akkużati ħelsien mill-arrest.