Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq iż-żewġ ħoloq prinċipali li jservu bħala dħul u ħruġ għal Ħaż-Żebbuġ, liema investiment se jinkludi wkoll proġett pilota biex jissaħħu l-faċilitajiet għaċ-ċiklisti.
Ix-xogħol, fuq dawn iż-żewġ ħoloq li jaraw traffiku ta’ kuljum, speċjalment filgħodu, se jkun qed isir b'investiment ta' €500,000.
Il-proġett jinkludi d-disinn u l-bini mil-ġdid tar-roundabout tal-Bieb ta’ De Rohan u r-roundabout tal-iskola St. Dorothy’s, fejn l-ewwel waħda se tiġi mtejba b’bypass lanes bħala miżura biex jonqos id-dewmien, filwaqt li t-tieni waħda se tiġi mtejba wkoll b’aktar approach lanes u disinn aħjar.
Meta jitlesta l-bini tar-roundabouts, Triq l-Imdina, li tgħaqqad iż-żewġ ħoloq, se tkun qiegħda tiġi mwessa’ biex tinkludi korsija oħra lejn in-nofsinhar. Waħda mill-korsiji ta’ Triq l-Imdina u s-service road ta’ maġenba se jiġu mibdula f’korsiji shared li jagħtu prijorità liċ-ċiklisti bis-sinjali u l-markings xierqa.
Kien hawn li l-Ministru Borg qal li l-periti tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura jinsabu f’diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-Bicycle Advocacy Group biex jiġi mtejjeb id-disinn tal-aċċess għar-roti għal waħda miż-żewġ roundabouts, liema disinji se jiġu implimentati bħala proġetti pilota għal aktar faċilitajiet favur iċ-ċikliżmu.
“B’miżuri bħal dawn inkomplu nsaħħu l-kollaborazzjoni bejn mezzi ta’ vvjaġġar differenti mhux biss mill-aspett ta’ infrastruttura, iżda anke billi nrawmu l-kultura li l-ispazji fit-toroq jistgħu jiġu użati minn mezzi differenti, mingħajr ma noħolqu diffikultajiet lil xulxin”, qal il-Ministru. “F’Ħaż-Żebbuġ, u dalwaqt f’lokalitajiet oħra, qed indaħħlu l-kunċett li korsija waħda tintuża minn mezzi differenti, b’persuni li jivvjaġġaw b’attenzjoni biex ma jipperikolawx ħajjet xulxin.”
Huwa ddeskriva l-proġett bħala wieħed li se jkompli jżid u jtejjeb l-effiċjenza u s-sigurtà tar-rotta arterjali mill-inħawi tal-Mosta, Ħ’Attard u r-Rabat lejn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, Santa Venera u l-Marsa.
Fakkar ukoll kif ftit tal-jiem ilu, il-Parlament temm id-diskussjoni importanti dwar it-twaqqif ta’ Infrastructure Malta bl-approvazzjoni tal-liġi li se tkun qiegħda twaqqafha, u qal li fil-ġimgħat li ġejjin, din l-aġenzija se tibda topera b’mod sħiħ.