
Il-Poodle jsejjaħ....ittra miftuħa mingħand Pierre Portelli
Il-poodle hija rokna satirika minn korrispondent 'speċjali'...
minn Poodle

“Stilla” Għawdxija timmira ’l fuq
Mela ż-żagħżugħ Għawdxi Ryan Mercieca, li din il-ġimgħa tilef libell bil-fjokki kontra l-eks Editur tal-Orizzont Josef Caruana dwar taħwid finanzjarju li kien involut fih, anke waqt li kien kandidat tal-PN, jirriżulta li għadu qed jimmira ’l fuq, ħafna ’l fuq, fil-politika.
Mercieca, miskin, għadu kemm iżżewweġ. Miskin mhux għax iżżewweġ tafx, imma għax ħafna qed iċaqċquhielu issa fil-Għawdex li, bl-iskop li ismu jagħmel il-qabża l-kbira fil-polza tal-vot f’elezzjoni oħra, ħa kunjom il-mara tiegħu – Cefai.
Allura issa, bħala Ryan Cefai Mercieca, awtomatikament spara ftit postijiet mhux ħażin ’il fuq. Skont il-lista ta’ kandidati li l-PN ippreżenta fl-aħħar elezzjoni, issa jitla’ fit-tieni post u jekk Frederick Azzopardi jerġa’ jiddeċiedi li jirriżenja mill-politika, allura jkollu anke l-pole position.
Ma nafx kif ma ppreżentax ċertifikat falz taż-żwieġ, kif għamel b’irċevuta fil-libell ta’ din il-ġimgħa, flok qagħad jieħu l-briga u l-ispiża li jiżżewweġ. Insomma hu x’inhu, ta’ min jgħid prooooooooooosit lil Ryan, għax hekk ikun l-ispirtu kompetittiv!!

Ittra miftuħa lill-qarrejja kollha tal-Illum mingħand Pierre Portelli, factotum ta’ Adrian Delia u strateġista tal-Partit tagħna.
Għeżież qarrejja,
Jien Pierre Portelli u nixtieq niftaħ qalbi magħkom. Mhux għax għandi qalbi kbira tafux. Dawn l-aħħar ftit jiem jiena ġejt attakkat b’kunflitt ta’ interess minn David Thake u nies oħra li jgħiru għas-suċċessi tiegħu. Danakollu għax jien imexxi n-NET u ser ikolli programm tal-mara fuq in-NET. Nibda biex ngħid li jien ma għandix naqsam aktar mal-kumpanija tal-mara tiegħi. Naf li tafu li mhux veru imma emmnuni meta ngħidilkom li aħna professjonali u aħna ma naqsmux u nħalltu. Għax aħna, tinsiex, Nazzjonalisti u bħala Nazzjonalisti aħna qatt ma nfottu.
Jiena tlaqt mill-Independent u tlift balla liri għax inħobb lill-partit u fuq kollox ma nħobbx il-but. Tul ħajti qatt ma ħdimt għall-flus imma ħdimt għall-ideal u l-prinċipju. Huwa għalhekk li meta smajt u qrajt x’qal David Thake jiena weġġajt. Weġġajt għax naf li David Thake huwa bniedem sinċier u onest. Bniedem li huwa rispettat għall-intelliġenza kbira tiegħu minkejja l-fatt li hawn min jaħseb li huwa imbeċċilli u kretin. Kretin mhuwiex minkejja li jidher li qisu kretin imperjali.
Jiena nerġa’ ngħid li dan mhux kunflitt ta’ interess, il-kunflitti ta’ interessi ser tarawhom jekk nirbħu l-elezzjoni li bħalma tafu hija ħolma li biex iseħħ irid isir miraklu.
Imma bħalma tafu mirakli jsiru l-ħin kollu. Il-mirakli huma l-uniku tama li jista jkollna li npoġġu lil Adrian u lil Nicky ġewwa Kastilja. U mbgħad mhux programm fuq in-NET ikolli imma programmazzjoni fuq TVM u TVM2. Imbagħad x’għala l-maws jekk tgħiduli kunflitt ta’ interess, busuli l-kukki, x’nitnejjek. Jien nagħmel li rrid u lil David Thake ngħidlu, cry baby cry għax xejn mhu ser iwaqqafni.
Sliem,
Pierre

STOP PRESS STOP PRESS
Robert Abela għadu kif ħabbar li mhux ser jikkontesta għall-post ta’ leader tal-Partit glorjuż tagħna għax irid jagħti ċans għall-onestà u integrità ta’ Chris Fearne, li ħafna jixtiequ li jsir hu għax l-iktar wieħed li jaf jaqdi n-nies!

Għada kif sar magħruf li Toni Bezzina ser jippreżenta lilu nnifsu għal lie detector li għadhom kif xtraw il-pulizija ta’ Maltija. Hemm inkwiet kbir li l-mudell li ġabu l-Pulizija ta’ Malta ma għandux biżżejjed inka u karta għall-gideb kollu li l-magna ser tkun qed tagħraf waqt l-esperiment volontarju ta’ Toninu tagħna.

