Il-PD jipproponi miżuri biex pajjiżna ma jsirx 'bejta tal-kriminali'

...fosthom jipproponi li l-eks Spettur tal-Pulizija Jonathan Ferris jingħata status ta' 'whistleblower' 

Il-Partit Demokratiku fi stqarrija sostna li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru ta’ eċċellenza għal servizzi finanzjarji u internet gaming "huma mhedda, b’riskju kbir għall-ekonomija tagħna."

"It-twaqqif tal-Anti-Money Laundering u l-Combating of Financing of Terrorism (AML/CFT) u l-appuntar ta’ Dr. Helga Buttigieg Debono bħala l-kap tagħha hija miżura pożittiva, però l-PD jemmen li għandha tittieħed ukoll din l-azzjoni," f'liema punt tal-istqarrija l-PD jagħti erba' proposti. Dawn huma t-tneħħija b’mod immedjat ta’ kull restrizzjoni għal informazzjoni dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u dwar in-nies li xtraw iċ-ċittadinanza, azzjoni mill-pulizija dwar ir-rapporti u rakkomandazzjonijiet li l-FIAU kienet tat dawn l-aħħar snin, Jonathan Ferris, l-ex impjegat tal-FIAU għandu jingħata status ta' whistleblower minnufih u finalment il-qari u implimentazzjoni tal-Private Member’s Bill li ppreżentaw iż-żewġ Membri Parlamentari tal-PD, Godfrey Farrugia u Marlene Farrugia dwar it-twaqqif ta’ Kummissjoni Parlamentari Permanenti biex isir monitoraġġ tal-istituzzjonijiet fis-settur finanzjarju u tal-gaming.

"Jeħtieġ li Malta tieħu azzjoni internament biex tevita li tittieħed azzjoni minn barra. Malta għandha bżonn turi li kapaċi tieħu miżuri konkreti biex tnaqqas il-ħasil tal-flus u biex twaqqaf ‘l pajjiżna milli jsir domiċlju għall-kriminalità organizzata," temm jgħid il-PD. 

Il-PD għamel dawn il-proposti fid-dawl tal-kritika minn naħa tal-Awtorità Bankarja Ewropea lejn il-mod kif l-FIAU trattat l-investigazzjoni tagħha fil-każ tal-Bank Pilatus. 

 

 

More in Politika