L-inkjesta dwar il-kumpanija fil-Panama 'Egrant' tinsab għand l-Avukat Ġenerali wara li għaddieha għandu l-Maġistrat Aaron Bugeja.
L-akkuża kienet ta' Daphne Caruana Galizia, illi fi storja allegat li l-kumpanija Egrant hija ta' Michelle Muscat u li minn din il-kumpanija għaddew mal-$1 miljun mingħand bint il-mexxej tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev. L-istorja qajmet furur u l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil kien talab għar-riżenja ta' Muscat. Il-PN kien saħansitra beda kampanja biex Joseph u Michelle Muscat ikunu arrestati, b'banners ma' diversi każini li juru lil Muscat fil-ħabs.
B'hekk bħalissa teżisti stennija biex aktar minn sena wara inkunu nafu jekk Egrant verament kinitx ta' Michelle Muscat jew le.
Intant, il-Prim Ministru Joseph Muscat innota dan l-iżvilupp u talab lill-Avukat Ġenerali biex jippublika l-eżitu tat-tali inkjesta. Dan minħabba li l-Avukat Ġenerali għandu dritt ma jippublikax tali inkjesta.
Il-Partit Nazzjonalista innota wkoll li l-din l-inkjesta għaddiet għand l-Avukat Ġenerali sabiex tiġi analizzata skont il-liġi. "Il-Partit Nazzjonalista issa jistenna li r-riżultat ta' din l-inkjesta jiġi ppubblikat kollu fl-ispirtu tat-trasparenza sħiħa, u se jkun qed jagħti r-reazzjonijiet tiegħu dwar dan hekk kif l-inkjesta tiġi ppubblikata.," sostna fi stqarrija.
Fi stqarrija il-Partit Laburista sostna li l-Prim Ministru "ilu ċar u on record għal bosta xhur jgħid li jekk tinstab nitfa’ verità dwar l-allegazzjoni li l-kumpanija hi ta’ xi ħadd mill-familja tiegħu jirriżenja.Il-Partit Laburista jippretendi li ħaddieħor jagħmel l-istess."
(Din l-istorja se tkun aġġornata)