Ir-reviżjoni tal-pjani lokali għadha fuq il-mejda; 'Ħafna mix-xogħol lest'

Kuntratturi jittamaw li jkunu jistgħu jgħollu s-sulari iżda l-Ministeru jeskludi li se jiżdied l-għoli tal-bini

Il-gazzetta ILLUM tista' tikkonferma li mhux se jkunu qed jiżdiedu aktar sulari fuq il-bini fl-ibliet u l-irħula Maltin. Dan minkejja għidut persistenti, fost kuntratturi u nies fil-qasam tal-bini, li fir-reviżjoni tal-pjani lokali se tkun qed tingħata konċessjoni biex jiżdiedu sular jew tnejn fuq il-bini f'ċertu lokalitajiet. Skont sors mill-Gvern ix-xogħol fuq ir-reviżjoni tal-pjani lokali wasal fi tmiemu.

Minkejja pressjoni mill-iżviluppaturi, meta wieġeb mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg insista li "ma hemm l-ebda ħsieb li joħorġu xi sulari iżjed milli hemm approvat fil-pjanijiet lokali llum." Dawn ġew riveduti l-aħħar fl-2006.

Iżda, sensara li tkellmu mal-ILLUM qalu li fil-fatt hekk se jiġri, jiġifieri li se tingħata konċessjoni biex il-limiti imposti mill-pjani lokali preżenti, jinbidlu sabiex il-bini jkun jista' jiżdied b'sular jew tnejn. Xi ħaġa simili diġà ġrat fl-aħħar leġislatura meta l-Gvern preżenti kien ippermetta li ċertu lukandi, ta' tliet stilel jew aktar, itellgħu żewġ sulari fuq dawk imposti fil-pjan lokali.

Kuntrattur u nutar ma kkonfermawx li se jiżdiedu s-sulari, imma qalu li minn dak li qed jisimgħu, fost persuni midħla fil-qasam tal-kostruzzjoni u l-permessi, il-pjani lokali waslu biex jinbidlu.

L-Awtorità tal-Ippjanar qed taħdem u waslet biex tlesti r-reviżjonijiet

Dan kien ikkonfermat minn sors mill-Gvern, li ma' din il-gazzetta spjega kif minkejja li x-xogħol waqa' lura ftit mhux ħażin, l-Awtorità tal-Ippjanar waslet biex tikkonkludi r-reviżjoni tal-pjani lokali, għax fi kliemu x-xogħol ilu għaddej.

Minkejja li ma setax jagħti data jew inkella indikazzjoni meta r-reviżjoni se tkun qed tiġi ppubblikata, l-istess sors saħaq li 'dawn se jinbidlu żgur.'

Sorsi ieħor, din id-darba mill-Awtorità tal-Ippjanar, qal mal-ILLUM li l-Kunsill Eżekuttiv tal-istess Awtorità għadu ma ddiskutiex il-pjani lokali anke għax quddiemu għadha ma waslitx l-ebda reviżjoni u għalissa din ma tidhirx fuq l-aġenda tiegħu.

Saħaq biss li jista' jkun li l-Awtorità tal-Ippjanar qed taħdem fuq ir-reviżjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni dwarhom, tittieħed mill-Kunsill Eżekuttiv. Spega kif il-Kunsill Eżekuttiv jista' jiddeċiedi jew li japprovahom, jew jibgħathom lura biex ikunu emendati u jista' saħanistra jitlob parir dwarhom, anke mill-Ministru responsabbli.

Jekk mhux se ngħollu l-bini se nibnu f'ODZ?

Lura fl-2013, il-Gvern kien nieda konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-pjani lokali tant li kien daħlu madwar 7,000 proposta mill-pubbliku. F'Diċembru tas-sena li għaddiet, meta kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina, il-Ministru Ian Borg qal li l-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed tanalizza l-proposti kollha li kienu daħlu għar-reviżjoni tal-pjani lokali.

Intant, għadu mhux magħruf x'se jkunu qed jinkludu l-pjani lokali l-ġodda, ġaladarba l-Ministeru qal ma' din il-gazzetta li l-għoli tal-bini mhux se jinbidel u anke għax il-Prim Ministru Joseph Muscat, lura f'Mejju tas-sena li għaddiet, kien saħaq li bl-ebda mod il-Gvern mhux se jnaqqas it-total tal-art klassifikata bħala barra l-iżvilupp (ODZ).

Madanakollu, meta kien qed jitkellem waqt dibattitu organizzat minn Għaqdiet Ambjentali Mhux Governatti, kien ikkritika ċertu konfini tal-iżvilupp identifikati fl-2006. Kien saħaq li minkejja li jista' jkun hemm estensjoni ta' żoni li fihom jista' jsir l-iżvilupp, dawn se jkunu 'kkompensati' billi jiġu estiżi żoni ODZ f'postijiet oħra.

Il-gazzetta oħt MaltaToday, f'Jannar tas-sena li għaddiet, kienet irrappurtat kif il-Gvern jinsab taħt pressjoni minn dawk is-sidien ta' artijiet li kienu tħallew barra fir-reviżjoni tal-2006 u issa jridu li l-artijiet tagħhom ikunu nklużi fiż-żoni li fihom jista' jsir l-iżvilupp, meta jiġu riveduti l-pjani lokali.

Tant hu hekk, li l-Gvern kien saħansitra indika li jista' jippermetti l-iżvilupp fuq uħud minn dawn l-artijiet privati, filwaqt li jikkompensa billi art li hi pubblika tkun inkluża fil-konfini tal-ODZ.

Apparti minn hekk, fil-25 ta' Lulju tal-2017, l-istess gazzetta kienet tkellmet mal-Kap Eżekuttiv taċ-Ċermen Johann Buttigieg, li kien saħaq li għalkemm għad ma hemmx data fissa meta dawn se jkunu ppubblikati, il-pjanijiet lokali riveduti se jkunu ppubblikati sal-aħħar tal-leġislatura.

Dan minkejja li l-ewwel pjan tal-Gvern kien li l-istess pjanijiet lokali jkunu lesti riveduti u approvati fl-ewwel leġiżlatura tiegħu. Tant hu hekk, li fir-rapport annwali tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-2014, l-istess Buttigieg kien kiteb li l-ewwel abbozz kellu jkun lest sa Ġunju tal-2015, biex minn hemm tibda diskussjoni mal-Gvern u konsultazzjoni pubblika.

Il-Pjan Strutturali, li kien approvat fl-1992, kien jinkludi 24 pjan lokali kien ukoll pjanijiet dwar iż-Żoni ta' Konservazzjoni Rurali. Gvern Nazzjonalista, fir-reviżjoni tal-2006, kien għażel li minflok ikun hemm seba' pjani lokali li jkopru sitt reġjuni u lokalità waħda.

Fl-2013, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar, dak iż-żmien Michael Farrugia, kien qal li l-pjan tal-Gvern huwa li minn seba' pjani lokali reġjonali, ikun hawn tliet pjani ġeneriċi bl-għan li jitneħħew id-differenzi reġjonali fil-politika tal-ippjanar għal-lokalitajiet differenti Maltin.

Dawn kellhom ikunu wieħed esklussiv għal Għawdex u Kemmuna, wieħed għaż-żoni kollha urbani f'Malta u wieħed għal artijiet f'Malta li huma barra miż-żoni għall-iżvilupp. Fi stqarrija konġunta, għadd ta' NGOs ambjentali kienu kkritikaw bil-kbir dan il-pjan tal-Gvern.

Il-pjan lokali għal Ħal Kirkop u l-limiti imposti fuq is-sulari
Il-pjan lokali għal Ħal Kirkop u l-limiti imposti fuq is-sulari

More in Politika