Il-Partit Demokratiku tefa dubju u poġġa sensiela ta' mistoqsijiet dwar kif żvolġew l-affarijiet ilbieraħ wara li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet dwar l-inkjesta ta' Egrant, li ddeskriviha bħala "aljenzazzjoni."
Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Partit Demokratiku staqsa kif "jista' jkun li ħbieb tal-Gvern kienu ppreparati minn qabel bid-dettalji tar-rapport sħiħ waqt li r-rapport sħiħ jibqa' mistur għall-pubbliku u l-ġurnalisti."
Akkuża wkoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li meta immedjatament sejjaħ għar-riżenja ta' Simon Busuttil "għamilha aktar faċli għall-Gvern biex juża l-inkjesta Egrant biex jipprova jbajjad fuq l-iskandli l-oħra."
L-istqarrija tinsisti li r-riżorsi tal-Oppożizzjoni għandhom ikunu "ffukati biex jikxfu u jkomplu jagħmlu pressjoni dwar l-iskandli l-oħra li kollha kemm huma jitolbu r-riżenji mill-membri fil-Gvern."
Kien hawn li l-PD iddeskriva l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet bħala 'aljenzazzjoni' għax skontu ġew ippubblikati fi żmien "kruċjali" fid-dawl li l-FIAU qed tkun ikkritikata mill-ECB u anke fid-dawl tal-investigazzjoni li tista' tinfetaħ mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskandlu tal-visas Libjani.