'L-agħar mhux il-gidba imma li xi ħadd iffalsifika dokumenti' - Owen Bonnici
Il-Partit Laburista jinsisti li l-uniku triq ta' Simon Busuttil hija li jirriżenja
More in Politika
Il-Partit Laburista jinsisti li l-uniku triq ta' Simon Busuttil hija li jirriżenja
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-aktar ħaġa inkwetanti wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant mhijiex il-gidba li ntqalet iżda li xi ħadd "bi skop kriminali" poġġa bilqiegħda u ffalsifika dokumenti biex jagħmel frame-up fuq il-Prim Ministru u martu.
Huwa qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn insista li dak li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat, meta talab inkjesta dwar l-allegazzjoni li martu kienet is-sid ta' Egrant, kienet waħda bla preċedent u li tikkonferma li f'Malta s-Saltna tad-Dritt hija b'saħħitha.
B'referenza għall-allegazzjonijiet li kienu saru minn Daphne Caruana Galizia dwar Adrian Delia, Owen Bonnici fakkar li "ħaddieħor kien fetaħ biss libelli" xi ħaġa li ma tistax titqabbel ma' dak li għamel il-Prim Ministru waqt li fakkar li dawn twaqqgħu malli nqatlet il-ġurnalista fis-16 ta' Ottubru li għadda.
Kemm Bonnici u anke d-Deputat Stefan Zrinzo Azzopardi insistew li bħalma l-Prim Ministru wiegħed li se jirriżenja jekk tinstab prova kontrih, l-istess għandu jagħmel Busuttil li fi kliemhom l-uniku t-triq li għandu quddiemu hija li jirriżenja.
"Jekk għad fadallu farka ta' diċenza politika, Busuttil għandu jirriżenja mill-Parlament," saħaq Zrinzo Azzopardo waqt li insista li min jibbaża kampanja elettorali fuq gidba u dokumenti foloz ma jista' qatt ikun denju li jirrappreżenta lill-poplu fil-Parlament.
It-tnejn li huma fakkru li l-Maġistrat Bugeja bbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq ix-xhieda ta' 'l fuq minn 400 persuna, fosthom espert barranin u dan jikkonferma s-serjetà tal-inkjesta u l-eżitu tagħha.
Fi ftit kliem, l-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja ma sabet ebda konnessjoni bejn il-kumpanija fil-Panama Egrant u Michelle Muscat, apparti li d-dikjarazzjonijiet fir-rigrward ta' Egrant kien fihom firem foloz.
Dan kien ikkonfermat minn esperti barranin u minn Jaqueline Alexander, il-persuna li kellha l-firma fuq id-dikjarazzjonijiet.