Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant talab għar-riżenja tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa.
Fi stqarrija, Sant saħaq li fl-aħħar xhur "tqażżeż" jara lil Casa "jagħti l-patroċinju tiegħu lil Efimova," u kkritika l-fatt li uża fondi tal-Parlament Ewropew biex imur Ateni biex jassigura li Efimova ma tkunx estradita.
"Matul l-aħħar xhur, Casa immanvura biex iħawwad il-moħħ tad-deputata soċjalista eċċitabbli Anna Gomes, u ta' deputati oħrajn li ma jogħġobhomx il-progress ta' pajjiżna fil-qasam finanzjarju," saħaq Sant waqt li insista li l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzonalista kien moħħu biss biex "isallab il-Prim Ministru Malti."
Intant, aktar qabel, Sant ħabbar li aġġorna lill-Membri Parlamentari kollha tal-Parlament Ewropew bil-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar Egrant.
Fi stqarrija, Sant insista li l-inkjesta wriet b’mod konvinċenti li l-allegazzjonijiet ma kinux fondati u kompletament foloz.
"Issa ma hemm l-ebda dubju, saħaq Dr Sant, li mart il-Prim Ministru qatt ma kellha kumpanija sigrieta l-Panama, jew kellha l-Egrant jew xi kont ieħor sigriet," temm jgħid Sant.