Casa jippubblika r-rapport tal-FIAU dwar Konrad Mizzi

Casa dejjem insista li dan fih biżżejjed eivdenza biex jittieħdu passi kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi 

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa ippubblika l-abbozz tar-rapport tal-FIAU li fi kliemu fih biżżejjed evidenza u jikkonkludi li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi fuq akkużi ta’ allegat ħasil ta’ flus u l-possibilità ta’ flus ġejjin mill-kriminalità.

Apparti li jagħti d-dettalji (diġà magħrufa) tal-allegazzjonijiet kollha li saru, ta' kif infetħu l-kumpaniji fil-Panama u ta' ftehmiet li kien involut fihom il-Ministru Konrad Mizzi, ir-rapport jinkludi wkoll id-dettalji ta' dak li kien diġà żvela l-hekk imsejjaħ il-Proġett Daphne dwar il-kumpanija 17 Black.

Kif diġà kien irrappurtat, ir-rapport kien isemmi kif total ta’ €1.3 miljun kienu trasferiti lill-kumpanija 17 Black, kumpanija f’Dubaj, deskritta bħala waħda mit-“target clients,” li kellha tħallas lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi fil-kumpaniji li kienu fetħu, reġistrati fil-Panama. Żewġ pagamanti ( b'total ta' €1.1 miljun ) kienu għaddew minn kumpanija oħra fis-Seychelles u li jisimha, Mayor Trans.

L-istess rapport ippubblikat minn Casa isemmi wkoll dak żvelat mill-Proġett Daphne, jiġifieri li pagament ieħor ta’ €161,000 kien intbagħat lil 17 Black minn Orion Engineering, kumpanija li s-sid tagħha huwa Mario Pullicino, li huwa l-aġent lokali li qed jissupplixxi l-LNG lill-power station il-ġdida.

Min-naħa tagħhom, Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu ċaħdu dawn l-allegazzjonijet.

Tissuspetta wkoll għax il-kumpaniji fil-Panama twaqqfu f'salt...

Apparti minn hekk, l-abbozz tar-rapport iqajjem suspett dwar il-fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu qed iwaqqfu 'l-istrutturi tagħhom' bħala "joint venture," bis-suspett jikber meta skont ir-rapport, l-istrutturi fil-Panama/New Zealand kienu mwaqqfa flimkien fi żmien meta l-istess persuni kienu qed jaħdmu flimkien.

"Dan il-fatt waħdu jqajjem suspett għax ġeneralment dawn l-istrutturi jitwaqqfu skont iċ-ċirkostanzi ta' dak li jkun u mhux b'approċċ ta' 'one-size-fits-all.' 

Qabel jasal għall-konklużjoni finali, ir-rapport jisħaq li jeħtieġ tingħata spjegazzjoni għalfejn dawn l-istrutturi twaqqfu fi żmien meta l-Gvern Malti kien dieħel f'għadd ta' ftehmiet li kienu direttament relatati mal-Ministeru ta' Konrad Mizzi.

B'referenza għad-dikjarazzjoni ta' Konrad Mizzi, jiġifieri li ried iwaqqaf l-kumpanija biex jipproteġi l-assi għall-benefiċċju tal-familja tiegħu, ir-rapport li ppubblika Casa, jgħid li "kien ikun aktar jagħmel sens kieku (Mizzi) għamel dan wara t-twelid tat-tfal tiegħu, fl-2007 u fl-2010, anke għax dak iż-żmien kien qed jaqbad ħafna aktar paga u anke għax kien qed jgħix f'pajjiż fejn ir-rata tat-taxxa hija ogħla minn dik ta' Malta.

Il-konklużjoni tar-rapport...

L-abbozz tar-rapport jikkonkludi li |-informazzjoni li għandha f'idha l-FIAU "hija biżżejjed biex tikkonkludi li hemm suspsett raġonevoli ta' ħasil ta' flus," u li hemm flejjes li ġejjin mill-kriminalità.

Jisħaq li qed ikun irrakkomandat li dan ir-rapport jgħaddi għand il-Pulizija, skont l-Artiklu 31 tal-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus biex il-pulizija tieħu kwalunkw passi li jidhrilha li jkunu neċċessarji.

'Ippubblikajtu biex kulħadd ikun jaf x'qed jaħbi Joseph Muscat' - Casa

Fi stqarrija, David Casa qal li qiegħed jagħmel dan wara l-iżviluppi li seħħew matul is-sigħat u anke minħabba l-fatt kien offra x-xhieda tiegħu lill-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkjesta Egrant b’rabta ma’ rapport tal-FIAU li għandu f'idu.

Fakkar li "Joseph Muscat ilu sena sħiħa jirreżisti li tibda l-inkjesta maġisterjali mitluba minn Simon Busuttil f’Lulju 2017 dwar fatti ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni minn Konrad Mizzi."

Fi kliemu, ħassu fid-dmir li  ippubblika r-rapport tal-FIAU "biex kulħadd ikun jaf dak li Joseph Muscat irid jibqa’ jaħbi mill-poplu Malti u Għawdxi."

"Ninnota wkoll li Konrad Mizzi għamel attentat li juża 3% tal-inkjesta li ġiet ippubblikata u li ftit li xejn kienet tikkonċernah biex jipprova jagħti l-impressjoni li m’għamel xejn ħażin," saħaq Casa waqt li insista li kienet din waħda mir-raġunijiet li waslitu biex jippubblika r-rapport.

 

Konrad Mizzi jitfa' dubju fuq ir-rapport ta' Casa

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi qal li "dokument jidher li huwa ġabra ta’ konġetturi, fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq spekulazzjonijiet ippubblikati fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia u gazzetti lokali."

Tefa wkoll dubju fuq kemm ir-rapport huwa veritier tant li nnota li la għandu data u lanqas firma. Insista li "t-taqsimiet varji tal-abbozz jaqblu mas-sekwenza ta’ attakki kontra l-Ministru Mizzi, u dan jagħti kredibilità lill-fehma li dan id-dokument kien abbozzat biex ikun imbagħad leaked."

Insista li kull ipotesi u allegazzjoni ġiet diġà kontradetta.

"Casa qed jibni fuq il-gideb tal-Egrant li mexxa ’l quddiem ma’ Simon Busuttil, u qed jippersisti fuq il-missjoni malinna tiegħu li jħammeġ lill-avversarji politiċi tiegħu b’aktar allegazzjonijiet bla bażi," ikompli Mizzi,

Itenni dak li qal fil-filmat ippubblikat fuq Facebook aktar kmieni llum, jiġifieri li anke l-Maġistrat Aaron Bugeja, ikkonferma li l-Ministru Mizzi ma "kienx involut f’korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew trażazzjonijiet finanzjarji suspetti."

"Xejn ġdid u allegazzjonijiet li ilu jagħmel żmien' - Il-Partit Laburista

F'reazzjoni immedjata, ftit minuti biss qabel kien ippubblikat ir-rapport, il-Partit Laburista saħaq li Casa qal xejn ġdid u l-istqarrija tiegħu hija dwar allegazzjonijiet li ilu jagħmel żmien.

"Allegazzjonijiet li wkoll ħadhom biex ikunu investigati minn inkjesti maġisterjali. Wieħed jistenna li nsiru nafu l-verità kif sirna nafu fil-każ tal-inkjesta ta’ Egrant,' tkompli l-istqarrija tal-PL. "Illum kien ikun aħjar li kieku David Casa skuża ruħu talli hu wkoll kien parti minn kalunja fil-konfront tal-Prim Ministru u martu."

More in Politika