'Jekk irid jibqa' fil-Parlament imur mal-PD' - Puli dwar Busuttil

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli jagħmel tiegħu l-kliem ta' editorjal f'ġurnal lokali

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, għamel referenza għall-editorjal tal-ġurnal Times of Malta u kkwota l-parti li fiha, l-editur saħaq li jekk Simon Busuttil irid jibqa' fil-Parlament għandu jagħmel dan billi jissieħeb mad-Deputati tal-Partit Demokratiku Godfrey  u Marlene Farrugia.

Puli għamel dan fuq Facebook meta xerred l-editorjal u kkwota l-parti li tgħid li fuq il-kwistjoni ta' Egrant, Adrian Delia kien korrett, jiġifieri li bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Busuttil ipprova jieħu vantaġġ kemm jista' mill-allegazzjonijiet li kienu qed isiru, tant li spiċċa biex "prattikament għamilhom tiegħu stess daqslikieku kellu f'idu evidenza solida."

L-istess editorjal jinsisti li bħalma refa' r-responsabbilità wara t-telfa elettorali tas-sena li għaddiet u ma baqax kap, Busuttil għandu jagħmel l-istess issa u jirriżenja mill-grupp Parlamentari.

Intant, sorsi viċin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qalu mal-illum.com.mt li qed jittamaw li fis-sigħat li ġejjin, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jissosspendi lilu nnifsu u għalhekk għalissa, il-partit se jistenna u mhux mistenni li jieħu l-ebda passi fil-konfront tal-eks kap tiegħu.

Aqra aktar:

Xejn li jorbot lil Michelle Muscat ma' Egrant - firem foloz fuq dokumenti relatati ma' Egrant

L-Amministrazzjoni tal-PN tappoġġja lil Delia biex Busuttil jirriżenja

Wara l-pożizzjoni tal-PN, disa' Deputati joħorġu għonqhom għal Busuttil

 

More in Politika