Żewġ messaġġiera akkużati li ppruvaw jeqirdu fajl tal-Qorti

Il-Qorti qalet li hemm biżżejjed evidenza biex iż-żewġt irġiel jitpoġġew taħt att ta' akkuża

Żewġ messaġġiera tal-Qorti tressqu l-Qorti akkużati li ppruvaw jisirqu fajl li kien jinkludi dokumenti u evidenza dwar proċeduri kriminali.

Iż-żewġt irġiel kienu akkużati li ppruvaw jeqirdu dokumenti li kienu tal-Qorti, li bagħbsu evidenza, b'serq aggravat, fost akkużi oħra.

L-Ispettur Frank Anthony Tabona spjega kif il-Pulizija kienet infurmata bis-serqa fis-27 ta' April.

Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li wieħed mill-akkużati, kien ġabar xi fajls li kienu ngħataw lill-Maġistrat Neville Camilleri, iżda minflok għaddha wieħed mill-fajls lill-akkużat l-ieħor.

Jidher li dan kien poġġa dawn il-fajl ġo kexxun li jissakkar. Dan kollu nqabad f'filmati tas-CCTV.

Min-naħa tiegħu, dan l-akkużat insista li kien iltaqa' mal-akkużat l-ieħor quddiem l-Awla 11 u kien talbu biex iżomm il-fajl. Spjega kif ma kienx jaf għalfejn u ma staqsix għax mhux l-ewwel darba li talbu jagħmel hekk.

Intant, l-espert tal-Qorti Martin Bajada spjega kif skont informazzjoni miġbura mill-mowbajls tal-akkużati, iż-żewġ messaġġiera qatt ma kkuntattat direttament lill-persuna li dwarha kien il-każ tal-fajl,  iżda għamlu dan biss permezz ta' terzi persuni.

Il-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta' akkuża. Il-każ ikompli f'Settembru.

More in Politika