Chris Said joffri li jkun medjatur biex jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista

F'mossa mhux mistennija d-Deputat Chris Said ikun l-ewwel li joffri l-għajnuna tiegħu biex tissolva l-kwistjoni interna li qamet fil-PN

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said offra li jkun medjatur fil-kwistjoni interna li qamet fil-Partit Nazzjonalista meta wara l-pubblikazzjonijiet tal-inkjesta Egrant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab lill-eks Kap Simon Busuttil biex jissospendi lilu nnifsu.

Fuq Facebook, Chris Said saħaq li lest jagħti sehmu biex il-partit jingħaqad u "biex ma nħallux lil ħaddiehor jiddettalna x'għandna nagħmlu."

Immedjatament wara l-konferenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Delia keċċa lil Busuttil mix-Shadow Cabinet u talbu biex jissospendi lilu nnifsu, pożizzjoni li dwarha qablet ukoll l-Amministrazzjoni. Madanakollu, xejn inqas minn 10 Deputati u għadd ta' esponenti tal-Partit Nazzjonalista ma qablux u ħarġu għonqhom għal Busuttil.

Fuq Facebook, Chris Said insista li l-inkjesta dwar il-każ Egrant ma ddeterminatx ta' min hi il-kumpanija iżda fakkar li kulħadd jaf ta' min hi l-kumpanija Hearnville u Tillgate.

Għall-ebda raġuni ma għandna naqgħu fin-nassa li qed issirilna minn barra, f'attentat ċar biex iġġib qasma bejnietna - dik li nikinsu 'l hemm lil xi wħud minna stess

"Kulħadd bil-miljun euro li, skont il-Panama Papers, kellhom jgħaddu fil-kumpaniji sigrieti ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri, miftuħa fil-Panama ftit granet wara l-elezzjoni tal-2013," kiteb Said. |Issa huwa mument fejn bħala Partit, irridu naħdmu lkoll flimkien biex insibu l-aħjar mod biex niġġieldu l-korruzzjoni lampanti, u nfehmu n-nies li għall-korruzzjoni, illum jew għada, iħallas kulhadd."

Insista li hemm "attentat ċar" biex iġib il-qasma fil-Partit Nazzjonalista billi fi kliemu "nikinsu 'l hemm lil xi wħud minna stess," b'referenza probabbli għat-talba ta' Delia lil Busuttill.

"Id-diskussjoni dwar liema hi l-aħjar pożizzjoni li għandha tiġi adottata quddiem dan l-abbuż ta' poter u korruzzjoni li għandna f'pajjiżna għandha ssir fi ħdan il-Partit u għall-ebda raġuni ma għandna naqgħu fin-nassa li qed issirilna minn barra," kompla Said.

Kien hawn li saħaq li qed joffru l-għajnuna tiegħu biex tinstab it-triq li tgħaqqaf lill-Partit Nazzjonalista u tagħmlu oppożizzjoni b'saħħitha u effettiva.

 

Ilbieraħ, sorsi viċin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qalu mal-illum.com.mt li qed jittamaw li fis-sigħat li ġejjin, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jissosspendi lilu nnifsu mill-partit u għalhekk għalissa, il-partit se jistenna u mhux mistenni li jieħu l-ebda passi fil-konfront tal-eks kap tiegħu.

Madanakollu, l-istess sorsi qalu li mhux qed ikun eskluż li jekk Busuttil ma jissospendix lilu nnifsu, il-kwistjoni titressaq quddiem l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista jew inkella saħansitra jitlaqqa' Kunsill Ġenerali Staordinarju.

More in Politika