Dalli takkuża lil Gomes li qed tipprova ttappan ir-reputazzjoni tal-ġudikatura

Dan wara li Ana Gomes, fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-inkjesta Egrant, saħqet li għandha dubji fuq is-sistema ġudizzjarja Maltija

L-Ewroparlamentari Laburista, Miriam Dalli, saħqet li Ana Gomes qed tipprova ttappan ir-reputazzjoni tas-sistema ġudizzjarja Maltija għax il-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant ma jaqblux 'man-narrattiva tagħha.'

Hija kitbet dan fuq Twitter wara l-ewwel reazzjoni tas-Soċjalista Ana Gomes dwar l-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Mal-gazzetta The Malta Independent, Gomes  saħqet li għandha dubji fuq is-sistema ġudizzjarja Maltija u taf x'inhuma l-limitazzjonijet tagħha.

Fl-aħħar żjara tagħha f'Malta, Ana Gomes kienet iltaqgħet mal-Maġistrat Aaron Bugeja u anke mal-Imħallef Anthony Vella, li dak iż-żmien kien il-Maġistrat li kellu f'idu l-inkjesta dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Mal-gazzetta ILLUM Gomes kienet uriet it-tħassib tagħha għall-mod kif taħdem is-sistema ġudizzjarja f'Malta.

Meta mistoqsija partikolarment fuq l-eżitu tal-inkjesta Egrant, Gomes qalet li ma kinitx sorpriża bir-riżultat iżda kompliet tgħid li lanqas ma kienet se tkun sorpriża kieku l-konklużjoni kienet bil-kontra, jiġifieri li l-kumpanija Egrant kellha x'taqsam mal-familja tal-Prim Ministru.

Insistiet li r-rapport sħiħ għadu mhux ippubblikat u mill-konklużjonijiet ippubblikati ma jirriżultax li ħareġ isem il-veru sid tal-kumpanija Egrant.

Kien f'dan id-dawl li Miriam Dalli ma qaditx togħmod il-kliem. "Ilek issefsef f'widnejn min ried jisimak li l-Prim Ministru Malti huwa kriminal. Issa qed tipprova ttappan ir-reputazzjoni tas-sistema ġudizzjarja b'argument preġudikat sempliċiment għax ma taqbilx man-narrattiva tiegħek," saħqet Miriam Dalli.

Fl-aħħar jiem, Dalli bagħtet ittra lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani u anke lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, biex tinfurmahom dwar il-konklużjonijiet tal-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkesta dwar Egrant.

Fost oħrajn, Miriam Dalli saħqet li l-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil bħala membri ta’ kumitat li jissorvelja l-ħatriet tal-ġudikatura u l-Avukati Ġenerali għall-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem mhijiex tenibbli

More in Politika