Ikkuntattjat minn dan is-sit, sors qrib il-Partit Nazzjonalista indika li għalissa l-idea li jitlaqqa' l-Eżekuttiv ingħatat il-ġenb u minflok it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista se tibqa' tistenna lil Busuttil jissospendi lilu nnifsu.
"F'ċirkostanzi normali fil-passat Deputat dejjem segwa l-kelma tal-Kap talPartit, taħt Eddie Fenech Adami ġara hekk, taħt Lawrence Gonzi ġara hekk u anke taħt Simon Busuttil ġara hekk. Issa mhux differenti. It-tmexxija għadha qed tistenna li Busuttil jissospendi lilu nnifsu, kif kien mitlub li jagħmel," sostniet il-persuna li tkellmet ma' dan is-sit.
Minkejja dan hija qalet ukoll li mhux qed ikun eskluż li ssir medjazzjoni biex is-sitwazzjoni tikkalma, hekk kif 10 Deputati ħaduha kontra d-deċiżjoni ta' Adrian Delia u l-Amministrattiv tal-PN li qablu illi l-eks Kap Busuttil għandu jissospendi lilu nnifsu mill-partit. Qalet ukoll li għalissa jidher li l-għażla li l-partit imur għall-Eżekuttiv, se tingħata l-ġenb.
Minkejja dan, sors ieħor qal lil dan is-sit illi xi membri ta' Eżekuttiv kienu informati fil-bidu ta' din il-ġimgħa, biex iħallu filgħaxijiet liberi f'każ li jkun deċiż li jitlaqqa' tali eżekuttiv tal-partit.