'Se nkompli nissielet u naf li mhux qiegħed waħdi' - Simon Busuttil

Busuttil jikser is-skiet biex jikkritika lill-Avukat Ġenerali li appella mid-deċiżjoni tal-Qorti biex l-Imħallef Mizzi jirrikuża ruħu mill-appell dwar il-Panama Papers

Wara erbat ijem sieket, ftit ilu, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kiteb fuq Twitter jisħaq li huwa "inkredibbli" kif l-Avukat Ġenerali se jkun qed jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali biex l-Imħallef Antonio Mizzi ma jkomplix jisma' l-appell dwar id-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia biex tinfetaħ inkjesta dwar l-involviment tagħhom fil-Panama Papers.

Simon Busuttil ikkritika din id-deċiżjoni u qal li huma "perikoluż" il-passi li qed jieħu l-Gvern u f'dan il-każ l-Avukat Ġenerali wkoll, biex ma ssirx ġustizzja.

Kien hawn li insista: "Se nkompli nissielet u naf li mhux qiegħed waħdi."

Kien l-istess Simon Busuttil li kien fetaħ każ Kostituzzjonali wara li l-Imħallef Antonio Mizzi kien irrifjuta li jirrikuża ruħu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Maġistrat Mizzi, ġaladarba hu r-raġel tal-MEP Marlene Mizzi, għandu kunflitt ta’ interess jekk ikompli jisma’ l-appell li ressqu l-Prim Ministru, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, Brian Tonna u Karl Mizzi ta’ Nexia BT, Malcolm Scerri u l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers Adrian Hillman.

Il-Maġistrat kien irrifjuta li jieqaf jisma’ l-appell u kien dan li wassal lill-eks Kap tal-Oppożizzjoni jiftaħ il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Wara li tkeċċa mis-Shadow Cabinet, l-Amminstrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista bħalissa qed tistenna li Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari, deċiżjoni li ma tantx niżlet tajjeb ma' xejn inqas minn 10 Deputati u esponenti oħra tal-istess partit.

More in Politika