Dar tal-anzjani tispjega għalfejn 'security' ħadet lil anzjana Mater Dei, minflok 'carer'

...security guard tieħu anzjana l-isptar u jinqala' argument fl-Isptar, il-Kelliema tad-dar tispjega x'ġara

(Arkivji)
(Arkivji)

Dan is-sit jinsab infurmat illi dar tal-anzjani fil-Mosta qabbdet lill-membru tas-sigurtá biex tilbes ta’ carer u tieħu ħsieb anzjana fl-Isptar Matrer Dei, fin-nuqqas ta’ membri tal-familja u qraba tagħha.

Hija prassi li meta anzjan/a ma jkollhiex membri tal-familja li jieħdu ħsiebha meta tkun l-isptar, tinbagħat carer minflok.

Dawk li tkellmu ma’ dan is-sit spjegaw kif malli waslet l-ambulanza, kien jidher ċar illi l-pesuna liebsa ta’ carer ma kellha ebda idea ta’ x’inhu jiġri u tal-proċeduri bażiċi.

Kien f’dan il-punt illi jidher li l-membru tas-sigurtà kellha tammetti illi hija mhix carer, imma taħdem bħala security fid-dar tal-anzjani. Dan is-sit huwa infurmat li din tqabbdet tilbes ta’ carer, minħabba li ma kienx hemm xi ħadd li jista’ jagħmel dan ix-xogħol dak il-ħin.

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit sostnew li għalkemm saħħet il-pazjent ma kienet fil-periklu fl-ebda ħin, d-dar tal-anzjani ma kellha ebda jedd tlibbes lil xi ħadd daqslikieku kienet carer. “Apparti li hija kontra l-liġi, ma tgħinx li minflok persuna kkwalifikata jkollok security guard li lanqas biss għandha għarfien bażiku ta’ proċeduri mediċi.”

Intant l-illum.com.mt jinsab infurmat li l-Pulizija għassa mal-Emerġenza  ġew infurmati bil-każ. Sa lbieraħ filgħodu kienu għadhom ma sarux rapporti u ma ttieħdux passi fuq dan il-każ, mit-tmexxija tal-Isptar.

Id-dar tal-anzjani tfakkar...

Intant f'kuntatt ma' dan is-sit kelliema għad-dar tal-anzjani partikolari, filwaqt li kkonfermat li membru tas-sigurtà ħadet lill-anzjana l-Isptar, sostniet illi mhu minnu xejn li l-persuna li takkumpanja pazjent l-isptar trid tkun medikament ikkwalifikata. Hija sostniet ukoll illi din il-persuna, f'dan il-każ il-ħaddiema tas-sigurtà, kienet qisha qed tieħu post l-familja u qraba tal-anzjana li ma kienux preżenti mal-pazjent. 

Hija qalet illi minflok il-grazzi,  persuna li taħdem l-isptar qabdet thedded lis-security in kwistjoni u tgħidilha illi se tirrapurtaha lill-Pulizija. 

Il-kelliema tad-dar temmet tfakkar illi kieku ma kinitx għall-membru tas-sigurtà, l-anzjana ma kienx ikollha min jieħu post il-familja tagħha li għażlu li ma jkunux magħha. 

Il-kelliema, irrimarkat ukoll kif wara l-inċident fl-isptar għamlu kuntatt mat-tmexxija tal-isptar li minn naħa tagħhom fehemu s-sitwazzjoni u aċċertawhom li mhux se tittieħed azzjoni. 

Finalment, irrimarkat ukoll kif il-persuna in kwistjoni, apparti li hija membru tas-sigurtà hija wkoll helper u allura huwa xogħolha li tgħin lill-pazjenti fejn ikun hemm bżonn, fosthom f'dan il-każ. 

More in Politika