Opinjoni | Egrant kienet l-akbar frame up politiku
Il-każ Egrant se jibqa’ jissemma fl-istorja politika ta’ pajjiżna għal ħafna raġunijiet. Mhux biss għax kien pjan malizzjuż minnu nnifsu, mibni fuq il-falz, il-gideb, il-qerq u l-intenzjoni ħażina
minn Owen Bonnici
Il-gidba Egrant se tibqa’ mniżżla fl-istorja politika ta’ pajjiżna bħala l-akbar frame-up politiku li sar mill-Oppożizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni tal-inkjesta bdiet tagħlaq kapitlu iswed fil-politika Maltija.
Il-gidba Egrant hija sitwazzjoni ta’ frame-up għall-poter li kellha l-intenzjoni li twaqqa’ Gvern leġittimu, tkisser familja u wkoll tkisser pajjiż li minn xifer l-irdum kemm ekonomikament u wkoll f’diversi setturi, kien qed jagħmel passi kbar ’il quddiem.
Passi kbar f’kull qasam tas-soċjetà tagħna. Ibda mill-ekonomija, is-saħħa, il-qagħda soċjali tal-poplu, il-ġustizzja. Pajjiżna beda jieħu r-ruħ bil-qgħad jinżel fl-aktar livell baxx li qatt kien.
Dan kollu kien f’riskju li jintilef bil-gidba Egrant li mexxa ’l quddiem il-Partit Nazzjonalista, fuq quddiem dak li llum huwa l-eks Kap tiegħu.
Il-każ Egrant se jibqa’ jissemma fl-istorja politika ta’ pajjiżna għal ħafna raġunijiet. Mhux biss għax kien pjan malizzjuż minnu nnifsu, mibni fuq il-falz, il-gideb, il-qerq u l-intenzjoni ħażina, imma wkoll għax kien pjan li kellu l-għan li jkisser Prim Ministru, martu u l-familja tiegħu, pajjiż sħiħ u lill-familji kollha ta’ pajjiżna. Daqshekk huwa gravi dan il-każ. U aktar ma taħseb dwaru, aktar tiskopri l-malizja li bih issawwar u l-ħsara li kienet intenzjonata.
Il-konklużjoni tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja hija ċara. Dak kollu li nħema mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni u ta’ madwaru kien kollu falz. Il-kumpanija Egrant la hi ta’ mart il-Prim Ministru, la tal-Prim Ministru u lanqas ta’ membri tal-familja Muscat.
Aktar ċar minn hekk ma tistax tkun. Konklużjoni li ġiet wara li nstemgħu 477 xhud, wara investigazzjoni internazzjonali bl-għajnuna ta’ esperti barranin lil hinn minn xtutna. Dan kollu jinsab miktub bl-iswed fuq l-abjad f’dokument ta’ 1,500 paġna.
Il-konklużjoni tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja hija ċara. Dak kollu li nħema mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni u ta’ madwaru kien kollu falz Owen Bonnici
Minn dan ir-rapport, intenni, joħroġ ċar kif persuna, mhux biex tiddefendi lil pajjiżha, imma biex tipprova tieħu l-gvern b’mod illeġittimu, waslet biex tasal sa dan il-punt deplorabbli għall-aħħar. Gvern tieħdu meta verament tkun tħobb lil pajjiżek. Meta tagħmel minn kollox biex tara lil pajjiżek miexi ’l quddiem. Meta bil-provi tkun qed tibni pajjiż għall-ġenerazzjni tal-futur. U hemmhekk il-poplu jagħtik risposta, bil-vot tiegħu.
Li għamel Simon Busuttil kien, li pprova jwarrab il-vot tal-poplu billi jaqa’ fil-livell tal-falz, tal-gidba, tal-kumplott. Imma nafu li l-poplu skreditah billi għal darb’oħra tella’ Gvern Laburista, b’maġġoranza storika fil-kamp politiku.
Meta tqis il-konsegwenzi ta’ dan il-frame-up, u wkoll il-konsegwenzi li seta’ kellu, is-sitwazzjoni tkompli tiggrava bil-kbir.
Attentat fuq l-integrità tal-familja tal-Prim Minsitru, li kif stqarru huma stess, l-impatt se jibqa’ magħhom. L-attentat biex jitfarrak pajjiż, mhux biss lokalment, imma wkoll internazzjonalment. L-attentat fuq l-istabilità tal-pajjiż. U għalhekk kien attentat fuq il-familji kollha ta’ dan il-pajjiż.
Meta ra din is-sitwazzjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat fehem li l-pajjiż ma setax jimxi ’l quddiem fid-dell ta’ allegazzjonijiet tant iebsa fil-konfront tiegħu. Kien għalhekk li l-Prim Ministru talab għal investigazzjoni indipendenti u talab lill-President ixxolji l-Parlament biex il-pajjiż imur għall-elezzjoni bikrija. B’hekk tingħeleb sitwazzjoni ta’ inċertezza ekonomika, li l-gidba Egrant kienet se twassal għaliha permezz tal-allegazzjonijiet ta’ dak li kien il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil.
Il-ħasra hija li kien hemm min rikeb fuq il-karru ta’ din l-istorja falza. Mhux biss dawk li jxejru l-bandiera tas-suppost politika onesta, imma wkoll sezzjoni tal-medja li kompliet tibni fuq il-falz u l-fabrikazzjoni mingħajr ma indenjat ruħha tgħarbel u tfittex il-fatti. Rikbu l-karru tal-istorja vvintata wkoll xi ġurnalisti barranin li qagħdu fuq dak li ġie ppreżentat lilhom, ukoll mingħajr ma għoddsu biex jaraw il-verità x’kienet.
Gvern tieħdu meta verament tkun tħobb lil pajjiżek. Meta tagħmel minn kollox biex tara lil pajjiżek miexi ’l quddiem. Meta bil-provi tkun qed tibni pajjiż għall-ġenerazzjni tal-futur Owen Bonnici
Imma agħar minn hekk, daħlu fl-istorja membri parlamentari barranin, mgħejjuna minn politiċi Maltin li warrbu l-interess ta’ pajjiżhom.
Għal dawk li huma onesti, għal dawk li għamlu x-xhur jistennew ir-rapport tal-inkjesta indipendenti msejħa mill-Prim Ministru, il-pubblikazzjoni tagħha mhix it-tmiem. Hemm ħafna li għad irid isir.
Hemm deċiżjonijiet x’jittieħdu. Hemm responsabiltajiet li jridu jintrefgħu. Hemm ukoll id-dmir tal-istituzzjonijiet li jridu juru mhux biss lill-poplu Malti, imma lill-bqija tad-dinja, li f’pajjiżna tirrenja s-saltna tad-dritt u hu min hu li jikser din, irid ibaxxi rasu u jġorr fuq spallejh ir-responsabiltajiet u dak li titlob il-liġi.