Pierre Portelli mistoqsi mill-Pulizija dwar Egrant
Adrian Delia jgħid li jieħu passi biss jekk Portelli jkun investigat
More in Politika
Adrian Delia jgħid li jieħu passi biss jekk Portelli jkun investigat
Pierre Portelli, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, intalab jidher quddiem il-Pulizija biex ikun mistoqsi dwar l-investigazzjoni li bdiet malli ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant.
Skont sorsi li tkellmu mal-MaltaToday, Pierre Portelli ntalab biex imur id-Depot nhar it-Tlieta li għadda.
Pierre Portelli, li qabel l-elezzjoni li għaddiet kien l-editur responsabbli mill-kontenut ta’ The Malta Independent, kien xehed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja u anke kien tah kopja tad-dokumenti li kienu qed jitqiesu bħala l-prova li l-kumpanija fil-Panama hija ta’ mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat.
L-inkjesta kkonkludiet li dawn l-istess dokumenti kienu ffabbrikati.
Dwar dan, il-MaltaToday tkellmet ukoll mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li iżda saħaq li jieħu passi biss fil-konfront ta’ Pierre Portelli jekk ikun investigat.
Insista, li sa issa, ma jidhirx li Pierre Portelli qed ikun investigat u ma għandu l-ebda indikazzjoni li se jkunu qed jittieħu passi kontrih.
Delia fakkar li l-Pulizija jistgħu jsejħu persuni jew bħala suspettati u allura biex ikunu invstigati jew inkella biex jipprovdu informazzjoni u jgħinu fl-investigazzjoni.
“Ma jidhirlix li se jkun investigat iżda jekk dan ikun il-każ immedjatament nagħmel il-kunsiderazzjonijiet tiegħi,” kompla Delia.
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kien saħaq li jekk tittieħed azzjoni kontra Pierre Portelli jkun każ ta' frame-up.
Ilbieraħ, issejjaħ ukoll quddiem il-Pulizija l-eks uffiċjal tal-FIAU, Jonathan Ferris.