'L-implikazzjonijiet ta' Brexit fuq is-sistema finanzjarja huma meqjusa limitati'

Dan qalu l-Bank Ċentrali fl-għaxar edizzjoni tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja

Il-Bank Ċentrali ta' Malta, fl-għaxar edizzjoni tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja, saħaq li f'Malta, l-implikazzjonijiet negattivi li jistgħu jirriżultaw fuq is-sistema sistema finanzjarja Maltija minħabba l-possibbiltà ta’ ‘hard Brexit’ huma meqjusa limitati.

Fil-fatt, dan ir-rapport jikkonkludi, fost affarijiet oħra li s-sistema finanzjarja baqgħet b’saħħitha u reżiljenti għal għadd ta’ sfidi esterni bħar-reviżjoni fil-prezzijiet tal-assi u anke minkejja t-tħassib rigward is-sostenibbiltà tad-dejn f’diversi pajjiżi Ewropej, fost sfidi internazzjonali oħra.

L-analiż, f'dan ir-rapport tiffoka fuq is-settur bankarju Malti li hu mqassam f’core domestic banks, non-core domestic banks u banek internazzjonali, kif ukoll fondi ta’ assigurazzjoni u investiment iffukati fuq is-suq lokali.

"L-andament b’saħħtu tal-ekonomija Maltija kompla jsaħħaħ is-solidità u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja domestika," jisħaq ir-rapport. "Il-qligħ tagħhom fuq l-assi u l-ishma kien ta’ 9.3% u 0.68% rispettivament, ħafna aħjar minn dak ta’ banek simili Ewropej."

Il-Bank Ċentrali jkompli jispjega kif "it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu" wassal biex ir-riskju ta’ kreditu kompla jonqos u dan ġie rifless f’titjib fil-kwalità tas-self u kif ukoll f’titjib fil-kwalità ta’ min jissellef.

Dwar il-core domestic banks, ir-rapport sab li komplew isaħħu l-livelli tagħhom tal-kapital bil-Capital Adequacy Ratio u t-Tier 1 Capital Ratio jkunu 16.8% u 14.7% rispettivament, livelli li jilħqu l-minimu mitlub mir-regoli bankarji u żidiet kapitali oħrajn, fejn applikabbli.

Fejn jidħlu kumpaniji lokali tal-assigurazzjoni, il-B"ank Ċentrali jisħaq li anke hawn ir-riskji ġew ivvalutati li baqgħu baxxi. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni rrappurtaw titjib konsiderevoli fil-livelli tagħhom ta’ profittabbiltà minħabba negozju aħjar ta’ sottoskrizzjoni."

Madanakollu, ir-rapport itemm jappella lill-banek biex jibqgħu prudenti fl-imġiba tagħhom tas-self, isaħħu aktar il-buffers tagħhom tal-kapital, irażżnu l-ispejjeż, filwaqt li jkomplu jeżerċitaw l-isforzi tagħhom "biex jindirizzaw l-istokk ta’ self li ilu għal ħafna żmien klassifikat bħala wieħed fejn il-ħlas qiegħed b’lura."

More in Politika