Amnesty International tiftaħ il-kanuni kontra Malta u l-Italja
Tappella liż-żewġ pajjiżi sabiex jieqfu l-insinwazzjonijiet kontra l-NGOs u ma jittrasferixxux operazzjonijiet ta’ salvataġġ lil-Libjani
minn Albert Gauci Cunningham
Amnesty International ma tantx kellha kliem pożittiv għal Malta u l-Italja, f’rapport li kien ippubblikat din il-ġimgħa u li tratta l-inċidenti fl-aħħar ġimgħat ta’ dgħajjes mimlijin immigranti ġejjin mill-kontinent Afrikan.
Fir-rapport ‘Between the Devil and the deep blue sea’, Amnesty International tfakkar illi minħabba li Malta ma rratifikatx l-emendi tal-Konvenzjoni għas-Sigurtà fuq il-Baħar (SOLAS) fl-2004, l-Italja u Malta huma marbutin b’verżjonijiet differenti tal-istess konvenzjoni.
Waqt li tfakkar illi Malta temmen li l-immigranti għandhom jidħlu fl-iktar port sikur u mhux fil-port tal-pajjiż fiż-żona ta’ salvataġġ (SAR) li jkunu fiha, tgħid illi fil-każ ta’ dgħajsa b’40 immigrant (Sarost 5) li spiċċaw it-Tuneżija, Malta “falliet”.
“Malta falliet milli tassigura l-iżbark sikur ta’ 40 mara u raġel, u kkawżat sitwazzjoni illi fiha dawn l-immigranti spiċċaw fuq il-baħar għal ġimagħtejn fuq dgħajsa li ma kinitx attrezzata sabiex issalva lin-nies. Dan,” kompliet tgħid Amnesty International, “ħoloq riskju kbir lis-saħħa u s-sigurtà tal-immigranti u tal-ekwipaġġ ta’ Sarost 5. Malta falliet ukoll,” kompla jgħid, “milli tassigura illi dawk li kienu qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali jkollhom l-opportunità li jaċċessawha.”
Kien f’dan il-punt illi Amnesty International implikat li minħabba d-deċiżjoni ta’ Malta, l-Italja u Franza, dawn l-immigranti spiċċaw it-Tuneżija, illi skontha mhix port sikur.
Ir-rapport saħansitra jirriserva żewġ punti mir-rakkomandazzjonijiet dwar Malta u l-Italja, u jitlob liż-żewġ gvernijiet sabiex ma jibqgħux jużaw ħażin il-liġi kriminali kontra NGOs li jkunu qegħdin isalvaw ’l-immigranti. “Ieqfu mill-kampanja ta’ insinwazzjonijiet kontra l-NGOs, ikkomunikaw mal-pubbliku b’mod responsabbli u approvaw ix-xogħol ta’ dawk li qegħdin isalvaw il-ħajjiet,” appellat Amnesty International.
Is-sitwazzjoni fil-Libja għadha ħażina ħafna ...
Il-grupp li jaħdem favur id-drittijiet tal-bniedem sostna illi ħafna drabi, il-pajjiżi Ewropej qegħdin iħallu lil-Libjani jerġgħu jieħdu lill-immigranti lura l-Libja, li jfakkru illi huwa pajjiż li jinsab fi stat ħażin, bi ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-immigranti.
Huma jfakkru wkoll illi l-Libja “għadha pajjiż perikoluż għal dawk kollha li qegħdin ifittxu l-protezzjoni ... u huma partikolarment vulnerabbli minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni u razziżmu qawwi.”
Din il-gazzetta kienet irrappurtat dwar is-sitwazzjoni ħażina fil-Libja b’immigranti li xi drabi qed jintalbu jġorru droga minn pajjiż għall-ieħor bħala parti minn ċirku ta’ traffikar. Kienet irrappurtat ukoll illi ħafna drabi l-immigranti qed jispiċċaw abbużati, stuprati jew imġegħlin jipprostitwixxu lilhom infushom biex saħansitra jieklu ikla diċenti.
“Ir-refuġjati huma kontinwament esposti għal abbuż ikrah ħafna mill-uffiċjali Libjani, gruppi armati u gruppi kriminali. Isofru minn tortura u trattament ħażin, detenzjoni arbitrarja, serq, xogħol iebes u sfurzat u saħansitra qtil,” sostniet Amnesty International.
Ippuntat subgħajha lejn il-pajjiżi Ewropej, inkluż Malta, u sostniet li minkejja li jafu bil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li għaddej fil-Libja, jibqgħu jikkoperaw mal-awtoritajiet Libjani. Fakkret li t-Taljani taw 12-il speedboat bħala donazzjoni lil-Libja, sabiex ikunu intraċċati l-immigranti.
Amnesty International sostniet illi kemm Malta kif ukoll l-Italja għandhom jieqfu jittrasferixxu lill-awtoritajiet Libjani l-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran ċentrali.
U finalment, rigward il-kaptan tal-Lifeline, Amnesty International sostniet illi huwa inkwetanti li qed jittieħe
du passi kontrih. Fil-fatt dan il-kaptan qed ikun akkużat fil-qrati Maltin li kiser il-liġi meta salva immigranti fuq din id-dgħajsa u daħħalhom, illegalment, fl-ibħra Maltin kif ukoll li kien qed juża dan il-bastiment sabiex iwettaq salvataġġ, meta kellu liċenzja ta’ bastiment privat u għad-divertiment.
Amnesty International talbet sabiex l-għaqdiet nongovernattivi ma jkunx kriminalizzati u ma jkunux fil-mira tal-attakki ta’ gvernijiet Ewropej, fosthom dak Malti.