Analiżi | 20 sena tal-Labour; Mill-agħar sal-aqwa żmien (1)
L-ILLUM tagħti ħarsa lejn l-agħar mumenti u l-aqwa mumenti tal-Labour mill-1998...
minn Albert Gauci Cunningham
Kienu mumenti ta’ tensjoni politika, fejn kulħadd beda jitkellem, jargumenta u jisma’ lill-Perit Mintoff jgħajjat u jċanfar lill-Prim Ministru u mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien Alfred Sant fuq il-proġett tal-Kottonera. Waqt li bdew telgħin il-billboards u bdew jitlestew proġetti infrastrutturali f’postijiet bħal Birżebbuġa u Buġibba, il-Gvern ta’ Alfred Sant kien qed jaffaċċja l-ikbar battalja tiegħu fil-Parlament; battalja li għerrqitu!
Kien il-baġit li ressaq Gvern Laburista, dak iż-żmien mill-Ministru Leo Brincat. U fid-diskors tiegħu, l-eks PM Nazzjonalista u President Emeritus Eddie Fenech Adami kien waqaf nofs siegħa qabel sabiex Mintoff jitkellem, naturalment mossa politika magħmula sabiex tkompli tagħmel ħsara lill-Gvern Laburista, diġà taħt pressjoni mill-pubbliku minħabba ċerti miżuri, speċjalment żieda fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.
Dan kien il-bidu tal-agħar perjodu għall-Partit Laburista, perjodu illi fih ġarrab diversi telfiet u li matulu spiċċa tilef elezzjonijiet u anke referendum. Kien żmien meta l-Partit Laburista kien ferm differenti minn dak li nafu llum.
Sajf jaħraq; l-1998
Kienet is-sħana u Sant kien niżel il-Birgu għal konferenza tal-aħbarijiet, u minflok sab folla tistennieh. Kienet folla kkargata u rrabjata hekk kif Mintoff kien reġa’ vvota kontra l-Gvern Laburista. Dakinhar, Sant kien tilef il-kalma u beda jisfida lill-Mintoff, ikona Laburista u missier il-Partit Laburista kif nafuh illum, biex jirreżenja filwaqt li akkużah bi tradiment.
Din it-tgħajjira tiġi fid-dawl tal-konfoffa immaġinata jew reali, illi fiha Mintoff kien qed jaħdem viċin in-Nazzjonalisti li riedu jwaqqgħu lill-Gvern akkost ta’ kollox. In-Nazzjonalisti, mmexxijin minn Fenech Adami, użaw l-antipatija li kellu Mintoff għal Sant sabiex ikabbru u jimmassimizzaw il-ħsara li setgħet issir lill-Gvern.
U fil-fatt hekk ġara. Il-Gvern ta’ Sant waqa’, segwit bil-famużi xeni quddiem il-Parlament bid-Deputat Joe Debono Grech idur għall-crew tat-televixin, ġlied fil-Parlament, l-eks PM Sant jitlob lill-ġurnalisti, (fosthom Pierre Portelli) sabiex joqogħdu attenti mill-wires u attivisti Laburisti jgħajru lil Mintoff “Ġuda” u “traditur”.
Kienet elezzjoni taħraq li fiha n-narrattiva kienet ċara. Il-PN favur sħubija mal-UE u bil-wegħda ta’ tnaqqis tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, u l-Labour bl-għajta tal-“Valuri Sodi, Viżjoni Moderna”, b’Sant jgħid illi l-Gvern tiegħu kien “hijacked” min-Nazzjonalisti.
Sussegwentement il-Partit Laburista tilef l-elezzjoni, bin-Nazzjonalisti jiġru b’wiċċ Mintoff, l-akbar avversarju tal-PN għal snin sħaħ, fil-carcades, b’turija ta’ ferħ għax waqqa’ l-Gvern. Kienet l-akbar ironija politika fl-aħħar snin.
Għal min kien Laburist dak iż-żmien din kienet probabbilment waħda mill-aktar telfiet koroh. Wara disa’ snin u nofs fl-Oppożizzjoni, u wara li kien ilu ma jikseb il-maġġoranza tal-voti mill-1976, din kienet pillola qarsa għal-Laburisti, li kellhom jitilfu gvern li ntrebaħ b’distakk ta’ madwar 7,000 vot u swing favur il-Partit Laburista ta’ 20,000.
Sant kien ikkonfermat mexxej f’dik il-konferenza famuża illi fiha, irrabjat għall-aħħar, kien qal li l-Labour kien tilef il-battalja imma mhux il-gwerra, u wera li l-Partit Laburista mhux se jkun ħanin, anzi se jadotta l-attitudni politika tal-għajn għal għajn u sinna b’sinna.
Dan kien l-agħar mument tal-Labour f’dawn l-20 sena.
Partnership; daqqa oħra għal-Labour
L-1998 kienet waħda mill-agħar snin tal-Labour, jekk mhux l-agħar. Kienet sena illi fiha nħass li nsteraq gvern mill-partit u li baqgħet tkun iddominata minn inkwiet intern fil-partit.
Iżda maż-żmien l-affarijiet bdew jikkalmaw, sakemm bdiet il-battalja politika dwar jekk Malta għandhiex issir membru tal-UE jew le.
Il-Partit Laburista kien ħa pożizzjoni kontra, u kien ippreveda li bl-UE ħafna fabbriki se jagħlqu u li id-daqs ta’ Malta se jkun ifisser li mhux se jkollha saħħa.
Il-kampanja tar-referendum mill-ġdid kienet qalila. Żewġ poli jiġġieldu l-pożizzjoni tagħhom, b’mass meetings u attivtajiet kuljum. B’żewġ diski; ‘Ngħidu Iva’ għall-Partit Nazzjonalista u dawk l-għaqdiet u unions li kienu favur sħubija ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea u ‘Partnership l-aqwa għażla’ għall-Partit Laburista, appoġġjat fil-pożizzjoni mill-General Workers Union.
Il-Partit Laburista tilef bil-qawwi dan ir-referendum. Fil-fatt tilfu bl-akbar distakk politiku sa dakinhar. Il-kamp tal-‘Iva’, allura l-PN, kien ġab 19,466 vot aktar mill-kamp tal-‘Le’, dak iż-żmien il-Malta Labour Party.
Għalkemm it-telfa kienet kbira, Sant kien fakkar illi l-għajta tal-MLP kienet li l-Laburisti ma jivvutawx, iħassru l-vot jew inkella jivvutaw Le, allura kien qal li l-kamp tal-‘Le’ kien rebaħ. Il-mod kif ġie interpretat dan ir-riżultat kien wieħed illi qajjem ħafna diskussjoni, hekk kif iċ-ċelebrazzjonijiet tal-‘Iva’ baqgħu għaddejjin sa filgħodu.
Għal ħafna Laburisti dan kien mument ħażin ieħor, xi ftit imħawwad. Bejn riedu jimxu mal-Partit u bejn ħassew illi fil-verità l-‘Iva’ kien rebaħ.
L-għada kellna dik il-famuża konferenza tal-aħbarijiet. Fiha Sant kien ħareġ il-vot u wera kif hu ma vvotax.
Minn hemmhekk bdiet kampanja elettorali oħra msejħa mill-PM Eddie Fenech Adami, wara li Sant kien qabel illi elezzjoni biss tista’ tiddeċiedi jekk Malta għandhiex issir membru tal-UE.
L-elezzjoni saret u l-Partit Nazzjonalista kien rebaħ b’distakk ta’ 12,000 vot.
Ħafna jinsistu illi Sant kien ikollu ċans imur aħjar elettoralment kieku aċċetta r-riżultat tar-referendum, għaliex l-elezzjoni ġenerali kienet tkun miġġielda wkoll fuq kwistjonijiet domestiċi, kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi. Uħud li jsegwu l-politika jaraw id-dikjarazzjoni ta’ Sant li l-Partnership rebaħ bħala l-akbar żball tal-MLP dak iż-żmien, xi ħaġa li aċċertat telfa laburista oħra; it-tielet jekk tgħodd ir-referendum.
Riżenja li kellha ssir, imma li ma saritx
Wara din it-telfa, mill-ewwel bdiet it-tiġrija, mhux uffiċjali, għat-tmexxija tal-MLP. L-ewwel li kien wera interess kien John Attard Montalto. Alfred Sant kien diġà ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jispiċċa mill-kariga, aħbar li kienet infirxet mal-pajjiż kollu, anke fost dawk l-eluf ta’ Nazzjonalisti li kienu ħarġu jiċċelebraw.
Sakemm mingħajr wisq mistenni, saret id-dimostrazjjoni tal-1 ta’ Mejju, illi fiha kienu ħafna dawk li rħewlha lejn Pjazza Ħelsien fejn talbu lil Alfred Sant jibqa’ jmexxi lill-Partit Laburista. U hekk għamel! Sant baqa’ jmexxi l-MLP minkejja kull stennija l-kontra.
Kien hemm min qal li din id-deċiżjoni kienet dik li ddeterminat ir-riżultat tal-elezzjoni ta’ wara.
F’dawn il-ħames snin, l-ewwel snin ta’ Gonzi bħala Prim Ministru, ir-riħ beda jidher li ħa jibda jonfoħ fil-qala’ għall-Partit Laburista. In-nies bdew jiddejqu min-Nazzjonalisti fil-Gvern.
Mill-2003 sal-2008 ma kienx baqa dik il-kwistjoni partikolari illi kienet qed tiġbed eluf ta’ votanti flimkien, fil-fatt il-kolla li twaħħal tant nies flimkien bdiet iddub minn wara l-elezzjoni tal-2008. Fl-2004 il-Partit Laburista rnexxielu jagħmel dak li ftit ħasbu li jista’, u għalkemm mhux b’maġġoranza assoluta ġab l-akbar numru ta’ voti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
L-MLP rebaħ bi 48.4%, waqt li l-PN ġab 39.7%, jew inkella ftit iktar minn 20,000 vot inqas mill-MLP. Madanakollu dan jista’ jkun spjegat l-aħjar mill-fatt illi l-Alternattiva Demokratika kienet kisbet ftit inqas minn 10% tal-voti, b’Arnold Cassola jikseb 22,938 vot.
Għakdaqstant dan kien jidher illi se jkun il-mument li l-Labour jibda verament jieħu r-ruħ. Fil-fatt, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet tal-Kunsilli lokali tal-2004 stess, tal-2005 (53%), tal-2006 (53.9%) u tal-2007 (53%). Dawn kollha kienu qegħdin jimmarkaw għal rebħa mill-ġdid tal-Partit Laburista.
Fl-elezzjoni ġenerali tal-2008 kien hemm is-sensazzjoni illi l-Partit Laburista kien riesaq lejn rebħa, grazzi għal biżżejjed persuni Nazzjonalisti li ma jivvotawx.
Kienet l-akbar dehxa għall-Partit Laburista li wara sigħat ta’ stennija u għadd ta’ voti f’Ta Qali, tħabbar ir-riżultat li ssiġilla d-destin tal-Partit Laburista għal 15-il sena fl-oppożizzjoni.
F’dawn l-aħħar 20 sena dan kien it-tieni l-agħar mument għal ħafna Laburisti. Kienet definittivament telfa kerha u kattiva għal-Laburisti, għax kienet ir-raba’ telfa, telfa li ġiet wara riżultati fuq livelli lokali u Ewropej li kienu qed juru stampa differenti, u kienet bl-iżgħar distakk fl-istorja b’siegħa żieda fil-ħin tal-votazzjoni.
Lawrence Gonzi ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru u Sant irreżenja minn Mexxej Laburista...
Saret elezzjoni fl-MLP xi ftit miġġielda sew bejn Michael Falzon, George Abela u Joseph Muscat, u rebaħ Muscat. U minn hemm bdiet it-telgħa definittiva tal-Labour...
(...tkompli fil-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li ġej)