'Il-qtil taċ-ċikonji huwa skandlu li jġiegħlek tistħi'

Il-Kunsill tal-Birdlife se jitlaqqa' b'mod urġenti biex jara x'azzjoni se jieħu...

Waħda miċ-ċikonji maqtulin
Waħda miċ-ċikonji maqtulin

BirdLife Malta qalet li l-qtil taċ-Ċikonji Bojod ma kienx inċident iżolat imma xhieda ċara ta’ kemm hi mifruxa l-kaċċa illegali. Dan qalitu hekk kif in-numru ta’ ċikonji li nqatlu issa tela’ għal erbgħa.

BirdLife Malta fi stqarrija fakkret li  ilha s-snin tappella lill-Prim Ministru biex iwaqqaf crime unit u stqarret li ma tistax tifhem dan in-nuqqas ta’ ħajra biex dan jitwaqqaf.  

“Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti, hija ironika li l-WBRU u s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qegħdin jipproponu bidla fil-liġi tal-kaċċa għall-fenek.  Fil-proposti qed jitolbu biex kaċċatur jitħalla jikkaċċja l-fenek fejn irid, flok f’art privata stabbilita, kif titlob il-liġi bħalissa. Din il-proposta ħa ddgħajjef il-liġi u ħa tagħti lok għal aktar abbuż milli diġà jsir. Jekk din il-proposta tgħaddi l-kaċċaturi jkunu jistgħu jduru bis-senter fejn iridu u jisparaw bil-libertà fuq għasafar flok fuq fniek.”BirdLife Malta tappella lill-Kumitat Ornis biex ma jħallix il-liċenzja għallkaċċa tal-fenek tinbidel.

 BirdLife Malta qalet li fil-ġimgħat li ġejjin mijiet ta’ tajr tal-priża ħa jkun qed ipassu minn Malta u għal darb’oħra l-awtoritajiet ħa jintalbu jirranġaw issitwazzjoni. Sultana qal li l-idea ta’ self-regulation falliet u l-Prim Ministru fi dmiru li jaġixxi malajr. Sultana żied jgħid li l-BirdLife ħa tkun qed tirrapporta dawn l-inċidenti lill-Imseħbin tagħha internazzjonali. “Il-Kunsill ta’ BirdLife Malta ħa jitlaqqa’ b’urġenza biex jara x’azzjoni għandha tittieħed, imma l-qtil taċ-Ċikonja Bajda – tajra li tant għandha rabta’ tradizzjonali mat-twelid tat-trabi u max-xorti tajba – huwa skandlu li jġiegħlek tistħi.”

 

More in Politika