It-Turkija mhux se tkun qed terġa tieħu sehem fil-Eurovision, sakemm jitwaqqfu milli jieħdu sehem kontestanti LGBTIQ.
Il-pajjiż kien ilu jieħu sehem mill-1975, sakemm imbagħad waqaf fl-2012 minħabba nuqqas ta' qbil fuq punti ta' organizzazjoni u proċedura.
Skont Ibrahim Eren li jmexxi it-Turkish Radio and Television Corporation (TRT) id-dehriet ta' nies bħal Conchita Wurst ma kienux aċċettabbli. "Bħala xandir pubbliku ma nistgħux inxandru (il-Eurovision) fid-9:00 p.m. meta jkun hemm it-tfal li qed jaraw it-TV. Persuna mill-Awstrija b'daqna u dublett u li tgħid li m'għandhiex ġeneru toħloq mentalità tal-konfużjoni."
Minkejja li l-ommosesswalità hija legali, l-istigma u l-oppressjoni statali żdiedet mhux ħażin kemm ilu President Recep Tayyip Erdogan, apparti li numru ta' stabbilimenti għal persuni LGTIQ kellhom jgħalqu l-bibien.