L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna li wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia qed jibża' għal ħajtu u għas-sigurtà tal-familja tiegħu.
Busuttil ifakkar illi bħalissa fil-Qorti għaddejjin tliet inkjesti bl-akbar pressjoni, jgħid li qed tinħoloq fuq l-inkjesta li titratta l-Panama Papers u li turi illi l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri kienu fetħu kumpaniji fil-Panama.
Filwaqt li jfakkar f'memes illi daru mal-internet dwaru illi miet, Busuttil jgħid illi llum hu qed jibża' li ħajtu tinsab f'riskju u qed jibża' wkoll għas-sigurtà tal-familja tiegħu
"Inħoss li hemm riskju minħabba Daphne. Kieku l-qtil ta' Daphne ma ġarax, ma kontx nibża' għal ħajti," sostna Busuttil.
Dwar l-inkjesta Egrant Busuttil qal li l-Prim Ministru qed jagħti informazzjoni li għandu ftit, ftit "permezz tal-għodda tal-istat li jinsabu f'idejh u ħafna mill-midja li hija favur il-Gvern."
"Jiena wieħed mill-ftit li għadhom ma qatgħux qalbhom u għalhekk il-kampanja kontrija tant hija b'saħħitha."